Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej
ħa ngħajtu lill-blata tas-salvazzjoni tagħna
Nersqu quddiemu ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.
Għax Alla Hu kbir, Sultan fuq l-allat kollha
F’idejh hija l-art u l-qċaċet tal-għoljiet
Tiegħu l-baħar għax hu kien li għamlu
Tiegħu l-art għax b’idejh saret.
Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej
Ejjew nqimuh u ninxteħtu quddiemu
Għarkubtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna u aħna l-poplu tiegħu
Għaliex hu Alla tagħna u aħna n-nagħaġ tiegħu.
Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu
La twebbsux il-qlub tagħkom bħal f’Meribah u f’Massah
Meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom
Għalkemm raw dak li jien għamilt.
Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel
U jien għidt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu’,
Għalhekk ħlift fil-għadab tiegħi ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi.
Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej
Qari mit-tieni ktieb ta Samuel (2 Samuel 6: 1-22)
David ġabar il-poplu u telaq biex iġib l-arka ta’ Alla lejn il-belt ta’ David. Poġġewha fuq karru ġdid u bdew il-mixja. David u d-dar kollha ta’ Iżrael kienu mexjin quddiem il-Mulej, jiċċelebraw b’kemm kellhom saħħa, bil-mużika u bil-ferħ. Fost din il-mixja, David ma kienx jimxi biss, imma kien jiżfen quddiem il-Mulej.
Meta waslu ħdejn il-qiegħa ta’ Nakon, il-bhejjem tfixklu u Għużża medd idu biex iżomm l-arka. Il-Mulej laqtu u miet hemmhekk. David tnikket u beża’, u qal: “Kif tista’ l-arka tal-Mulej tidħol għandi?” U ma riedx idaħħalha miegħu, imma ħalliha fid-dar ta’ Għobededom. L-arka baqgħet hemm tliet xhur, u l-Mulej bierek lil Għobededom u ’l daru kollha. Meta David sema’ dan, mar biex jerġa’ iġib l-arka lejn il-belt ta’ David, din id-darba bil-ferħ.
U malli dawk li kienu qed iġorru l-arka mxew ftit passi, David offra sagrifiċċju. U David, liebes efod tal-għażel, beda jiżfen b’ħiltu kollha quddiem il-Mulej. Hekk David u l-poplu kollu wasslu l-arka fost għajjat ta’ ferħ u daqq tat-trombi. Meta l-arka kienet dieħla fil-belt, Mikal, bint Sawl, rat lil David jiżfen u stmerritu f’qalbha.
David offra sagrifiċċji u bierek lill-poplu f’isem il-Mulej, u qassmilhom ikel. Imma meta mar lura d-dar, Mikal ikkritikatu għax deher bla ġieħ.
David wieġeb: “Kien quddiem il-Mulej li jiena żfint… u lest inċekken aktar minn hekk.”
Il-Kelma tal-Mulej