Mulej, urejt imħabbtek lejn artek
Reġġajt mill-jasar lil Ġakobb;
Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek;
Ħfirtilna d-dnubiet tagħna lkoll.
Reġġajt lura il-qilla tiegħek;
Mulej taffejt il-korla tiegħek.
Reġġagħna għal li konna, Alla tagħna s-Salvatur,
Warrab minn fuqna l-korla tiegħek.
Mulej se tibqa’ għal dejjem tagħdab u tinkorla għalina?
Mhux Int li terġa’ tagħti lilna l-ħajja,
Biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?
Uri, Mulej, it-tjieba tiegħek,
U s-salvazzjoni tiegħek tina.
Ħa nisma’ s-sliem li l-Mulej ixandar,
Għal ħbiebu u dawk li jafdaw fih.
Għax qrib tassew hi s-salvazzjoni tiegħu,
Biex igħammar f’artna is-sliem.
Reġġagħna għal li konna…
It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
Il-ħaqq u s-sliem jitbewsu.
U il-ġustizzja tixref mis-smewwiet,
Il-fedeltà tinbet mill-art.
U il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
U artna tagħti l-frott.
Reġġagħna għal li konna…
Quddiemek timxi il-ġustizzja,
U s-sliem fuq il-passi tiegħek.
Mulej reġġagħna għal dak illi konna,
Warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
U is-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Qari mill-Ktieb tal-Numri (Numri 21: 4-9)
U telqu minn ħdejn il-muntanja Ħor mat-triq tal-Baħar tal-Qasab biex jeħduha bid-dawra mal-art ta’ Edom, imma l-poplu ddejjaq jimxi, u beda jgerger kontra Alla u kontra Mosè: “Għala tellajtuna mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? Mhawnx ħobż u lanqas ilma; aħna xbajna b’dan l-ikel ħafif.”
U l-Mulej bagħat sriep velenużi f’nofs il-poplu u bdew jigdmuhom; u mietu ħafna mill-poplu ta’ Iżrael. U l-poplu mar għand Mosè, u qalulu: “Dnibna għax tkellimna kontra l-Mulej u kontra tiegħek. Itlob lill-Mulej ħa jwarrab is-sriep minn fostna.” U Mosè mar jitlob għall-poplu.
U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Agħmel serp tal-bronż velenuż, u arbulah bħal stendard; u kull min jingidem u jħares lejh ifiq u jgħix.” U Mosè għamel serp tal-bronż, u arbulah bħal stendard. U ġara li kull min kien jigdmu s-serp kien iħares lejn is-serp tal-bronż, u kien ifiq u jgħix.
Il-Kelma tal-Mulej