Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Faħħru lil Mulej għaliex hu tajjeb,
Għax it-tjieba tiegħu għal dejjem.
Ħa jgħid Iżrael:
It-tjieba tiegħu għal dejjem.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Il-leminija tal-Mulej marret minn fuq.
Il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma ngħix,
U nħabbar l-egħmejjel tal-Mulej.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
Saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
Ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Dan hu il-Jum li għamel il-Mulej,
Ħa nifirħu u nithennew fih
Ejja, nitolbuk Mulej salvana
Ejja, nitolbuk agħatina r-risq.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Luqa 24: 13-35)
Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Il-Kelma tal-Mulej