Il-Ħamis, 13

David li jizfen quddem l-arka tal-patt

Salm 95

Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej
ħa ngħajtu lill-blata tas-salvazzjoni tagħna
Nersqu quddiemu ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

Għax Alla Hu kbir, Sultan fuq l-allat kollha
F’idejh hija l-art u l-qċaċet tal-għoljiet
Tiegħu l-baħar għax hu kien li għamlu
Tiegħu l-art għax b’idejh saret.

Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej

Ejjew nqimuh u ninxteħtu quddiemu
Għarkubtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna u aħna l-poplu tiegħu
Għaliex hu Alla tagħna u aħna n-nagħaġ tiegħu.

Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu
La twebbsux il-qlub tagħkom bħal f’Meribah u f’Massah
Meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom
Għalkemm raw dak li jien għamilt.

Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel
U jien għidt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu’,
Għalhekk ħlift fil-għadab tiegħi ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi.

Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej

Il-Qari

Qari mit-tieni ktieb ta Samuel (2 Samuel 6: 1-22)

U David ġama’ l-aħjar nies ta’ Iżrael, tletin elf ruħ. Imbagħad David qam u telaq bil-poplu kollu miegħu minn Bagħale-ġuda biex italla’ minn hemm l-arka ta’ Alla, li ġġib l-isem tal-Mulej tal-eżerċti, li qiegħed fuq il-kerubini.

U għabbew l-arka ta’ Alla fuq karru ġdid u ġarrewha mid-dar ta’ Abinadab, li kienet fuq l-għolja. U Għużża u Aħiju, ulied Abinadab, kienu jsuqu l-karru l-ġdid bl-arka ta’ Alla fuqu, u Aħiju kien miexi quddiem l-arka.

U David u d-dar kollha ta’ Iżrael kienu jiżfnu u jaqbżu bil-ferħ quddiem il-Mulej b’kemm kellhom saħħa, bl-għana u d-daqq taċ-ċetri, l-arpi, it-tnabar, iċ-ċnieċel u l-platti. Xħin waslu ħdejn il-qiegħa ta’ Nakon, il-gniedes tfixklu u Għużża medd idu lejn l-arka ta’ Alla biex iżommha. Il-Mulej għadab għal Għużża, u Alla laqtu hemm u baqa’ mejjet tal-post ħdejn l-arka ta’ Alla. David għela għax laqat il-Mulej lil Għużża, u sejjaħ il-post Pereż-għużża sal-lum.

Dakinhar David ħass ruħu beżgħan quddiem il-Mulej u qal: “Kif jista’ jkun li l-arka tal-Mulej tidħol għandi?” U David ma riedx idaħħal għandu l-arka tal-Mulej fil-belt ta’ David, u ħadha fid-dar ta’ Għobededom il-Gitti. U l-arka tal-Mulej baqgħet f’dar Għobededom, il-Gitti, tliet xhur sħaħ. U l-Mulej bierek lil Għobededom u ’l daru kollha. U lis-sultan David qalulu: “Il-Mulej bierek dar Għobededom u kulma għandu minħabba l-arka ta’ Alla.” U mar David u talla’ l-arka ta’ Alla bil-ferħ mid-dar ta’ Għobededom għall-belt ta’ David. U malli r-reffiegħa tal-arka tal-Mulej imxew xi sitt passi, offra b’sagrifiċċju gendus u għoġol imsemmen. David, liebes efod tal-għażel, beda jiżfen b’ħiltu kollha quddiem il-Mulej. U hekk David u d-dar kollha ta’ Iżrael wasslu l-arka tal-Mulej b’għajjat ta’ ferħ u daqq tat-trombi.

Ġara li, hi u dieħla l-arka tal-Mulej fil-belt ta’ David, Mikal, bint Sawl, ittawlet mit-tieqa, u lemħet is-sultan David jaqbeż u jiżfen quddiem il-Mulej, u stmerritu f’qalbha.

Ġiebu l-arka tal-Mulej u qegħduha f’postha, fit-tinda li kien waqqaf għaliha David. David imbagħad offra sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem quddiem il-Mulej. Meta kien offra s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem, David bierek il-poplu b’isem il-Mulej tal-eżerċti; u qassam lill-poplu kollu, lill-kotra ta’ Iżrael, irġiel u nisa, ftira ħobż, biċċa laħam u ċappa żbib kull wieħed. U l-poplu kollu telaq, kulħadd lejn daru.

Xħin David raġa’ lura d-dar biex isellem lil niesu, ħarġet Mikal, bint Sawl, tilqgħu u qaltlu: “Kemm kien sabiħ illum is-sultan ta’ Iżrael, mikxuf quddiem għajnejn in-nisa tal-qaddejja tiegħu, bħalma jinkixef raġel bla ġieħ!” U David wieġeb lil Mikal: “Il-Mulej kien li għażilni flok missierek u daru kollha, u għamilni prinċep fuq il-poplu ta’ Iżrael, il-poplu tal-Mulej; iva, jiena żfint quddiem il-Mulej. Anzi niċċekken aktar minn hekk. Ħa nitlef ġieħi f’għajnejk, imma nissebbaħ quddiem il-qaddejja nisa li semmejt int.”

Il-Kelma tal-Mulej

Mistoqsijiet ta' riflessjoni

  • Illum fil-mixi tiegħek prova għix din l-esperjenza ta’ gratitudni lejn il-Mulej. Ta xiex qalbek tixtieq tfaħħar lil Mulej?

 

  • Ma minn il-Mulej qed jistiednek tkun iktar gratt?

 

  • X’jista jgħinnek tgħix iktar il-gratitudni fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum?