L-Erbgħa, 12

It-test ta' Abraham

Salm 16

Int it-triq, inti d-dawl
Inti s-sewwa l-verità,
Jiena minnek qatt ma niddubita
Għax inti t-triq inti d-dawl
Inti s-sewwa u l-verità
Inti twassalni fl-eternità.

Ħarisni O Mulej għax fik jien nistkenn
Jien għedt lil Mulej m’għandix ġid ħliefek
It-twajbin huma l-kbar f’din l-art
Fihom il-għaxqa kollha tiegħi.
Id-dwejjaq iżidu dawk li jaħtru allat oħra,
U isimhom anqas biss ma nsemmih b’xofftejja.

Int it-triq, inti d-dawl …

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-risq tiegħi,
Inti żżomm f’idejk xortija.
Il-kejl tani art li tgħaxxaq
Messni sehem tassew għal qalbi.
Inbierek lil Mulej li tani l-fehma
Imqar billejl qalbi tgħallimni.

Int it-triq, inti d-dawl …

Inżomm lil Mulej dejjem quddiemi
Għax bih ma ġenbi qatt ma nitħarrek
Tifraħ qalbi u tithenna ruħi
Ġismi ukoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix
Ma tħallix lill-maħbub tiegħek
Jara l-mewt, l-qabar jew it-taħsir.

Int it-triq, inti d-dawl …

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja
Hemm mill-milja tal-ferħ quddiemek.
Hemm l-għaxqa għal dejjem
Hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.

Int it-triq, inti d-dawl …

Il-Qari

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi (Ġenesi 22: 1-18)

U wara dawn il-ġrajja Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!” U hu wieġbu: “Hawn jien!” U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek.”

U Abraham bakkar mas-sebħ, xedd il-ħmar tiegħu, ħa tnejn mill-qaddejja tiegħu, u lil Iżakk. Qatta’ l-ħatab għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u qam, u telaq lejn il-post li qallu bih Alla.

Fit-tielet jum Abraham rafa’ għajnejh, u lemaħ il-post mill-bogħod. U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu hawn bil-ħmar, u jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm, u nagħtu qima u nerġgħu lura ħdejkom.” U Abraham qabad il-ħatab għas-sagrifiċċju, għabbieh fuq Iżakk ibnu, ħa f’idejh in-nar u s-sikkina, u telqu t-tnejn flimkien.

U Iżakk qal lil Abraham missieru: “Missier!” u dak wieġbu: “Hawn jien, ibni.” U Iżakk wieġbu: “Hawn huma n-nar u l-ħatab, fejn hu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tal-ħruq?” U Abraham wieġbu: “Alla jaħseb hu għall-ħaruf għas-sagrifiċċju, ibni.” U baqgħu sejrin it-tnejn flimkien.

U waslu fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex il-ħatab fuqu, u rabat lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-artal, fuq il-ħatab. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!” U dan wieġbu: “Hawn jien.” U qallu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni.”

U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. U Abraham semma dak il-post: “Jaħweh-jire, jiġifieri, il-Mulej jipprovdi,” kif għadu jingħad sal-lum: “Fuq il-muntanja Jaħweh-jire, il-Mulej jipprovdi.”

U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu: “Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu. 18U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti.”

Il-Kelma tal-Mulej

Mistoqsijiet ta' riflessjoni

  • Kien hemm mument fil-ħajja tiegħek meta inti bħal Abraham ġejt fi zmien ta prova? X’fisser għalik?

 

  • X’inhu il-kollox tiegħek? Lest li toffri lil Mulej il-kollox tiegħek?

 

  • Fejn u meta rajt lil Mulej bħala Jahweh-jire, Alla li jiprovdi?