Alla, Alla tiegħi jien infittex.
Ruħi hi bil-għatx, bil-għatx għalik.
Bħal art niexfa u maħruqa
Għalhekk ġejt nadurak,
Nitgħaxxaq bik.
Għax it-tjieba tiegħek ħajja.
Xofftejja jfaħħruk, jagħtuk tifħir.
Għalhekk inbierkek f’ħajti kollha.
Idejja ngħolli ‘l fuq u ntik tifħir.
Bħal b’ikel bnin jiena nimtela.
Jgħannilek fommi għanja bla mistrieħ.
Mimdud fuq friexi fik niftakar
U fuqek naħseb waħdi fis-sahriet.
Għax inti kont għajnuna għalija,
Għad-dell ta’ ġwenħajk jiena nistrieħ.
Miegħek tingħaqad ir-ruħ tiegħi,
Int tweżinni dejjem u f’kull ħin.
Dawk li jfittxuli ħajti
Huma jispiċċaw u jduqu l-qiegħ.
Imma s-sultan f’Alla dejjem jifraħ
Għax hu t-tama tiegħu dejjem fih.
Din l-art niexfa għad tinbidel,
Jirritorna l-ilma u ssir ġnien.
Faħħar ’l Alla dejjem O ruħ tiegħi
Għaliex it-tjieba tiegħu hi bla tmiem.
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mattew 14: 22-33)
U minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu; id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.” “Ejja,” qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!” Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira,” qallu, “għaliex iddubitajt?” Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”
Il-Kelma tal-Mulej