Tlieta, 11

Alla jimxi mieghek fil-gnien

ALLA SAR IS-SALVAZZJONI TIEGĦI (Iżaija 12)

Alla sar is-salvazzjoni tiegħi,
Jiena nittama u ma nibżax.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
Għalija Alla hu l-ħelsien.

Inroddlok ħajr Mulej, għaliex għadabt għalija;
Imma erġajt lura u farraġtni.
Kollna ferħana nimlew l-ilma mill-għejun,
Mill-għejun tas-salvazzjoni.

Alla sar is-salvazzjoni tiegħi …

Inroddu ħajr lill-Mulej,
Insejħu ismu u nfaħħruh,
Ngħarrfu lill-ġnus bl-għemejjel kollha tal-Mulej,
Inxandru li Ismu hu fl-għoli.

Alla sar is-salvazzjoni tiegħi …

Għannu ’l-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
Ħa jkun magħruf dan ma’ l-art kollha.
Jekk tgħammar f’Sijon aqbeż u għanni bil-ferħ,
Għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis, ta’ Iżrael.

Alla sar is-salvazzjoni tiegħi …

Il-Qari

Qari mill-Ktieb tal-Genesi (Genesi 3: 1-20)

U s-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” U l-mara wieġbet lis-serp: “Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott li hemm f’nofs il-ġnien, Alla qalilna: ‘La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu.’ ” U s-serp qal lill-mara: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” U l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajrek biex tikseb id-dehen; u ħadet mill-frott u kielet. Imbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel. U nfetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu weraq tat-tin, u għamlu iħżma. U semgħu ħoss il-Mulej Alla jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum, u nħbew Adam u martu minn wiċċ il-Mulej Alla qalb is-siġar tal-ġnien.

Il-ġudizzju u l-piena

U l-Mulej Alla sejjaħ lil Adam u staqsieh: “Fejn int?” U dak wieġeb: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri, u nħbejt.” U staqsieh: “Min qallek li int għeri? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.” U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu dan li għamilt?” U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, u jien kilt.” U l-Mulej Alla qal lis-serp:

“Talli għamilt dan, misħut int

fost il-bhejjem kollha

u fost l-annimali selvaġġi.

Għal żaqqek titkaxkar,

u t-trab tal-art tiekol

il-jiem kollha ta’ ħajtek.

U jien inqajjem mibegħda

bejnek u bejn il-mara,

bejn nislek u nisilha,

u hu jagħmel għal rasek

u int tagħmel għal għarqubu.”

U lill-mara qalilha:

“Inkattarlek sewwa wġigħ it-tqala tiegħek,

u bl-uġigħ tiled it-tfal;

lejn żewġek tiġbdek xewqtek,

u jaħkem fuqek hu.”

U lil Adam qallu:

“Talli inti smajt minn kelmet martek,

u kilt mis-siġra li ordnajtlek

ma tikolx minnha u għedtlek:

‘La tikolx minnha,’

misħuta l-art minħabba fik;

bit-taħbit tiekol minnha,

il-jiem kollha ta’ ħajtek.

Xewk u għolliq tnibbitlek,

u int tiekol il-ħaxix selvaġġ.

Bl-għaraq ta’ ġbinek

tiekol ħobżok,

sakemm terġa’ lura lejn l-art,

għax minnha int meħud.

Għax trab int,

u fit-trab terġa’ tmur.”

U Adam semma lil martu Eva għax hi kienet omm il-ħajjin kollha. U l-Mulej Alla għamel lil Adam u ’l martu ħwejjeġ tal-ġild u libbishomlhom.

Il-Kelma tal-Mulej

Mistoqsijiet ta' riflessjoni

  • Fil-mixi tiegħek ta’ kuljum, kemm tkun konxju tal-prezenza tal-Mulej?

 

  • Fejn l-iktar li tesperjenza lil Mulej?

 

  • Jekk il-lum il-Mulej issaqsiek “Fejn inti?,” kif twiegbu?