Solennità

L-Għid il-Kbir
tal-Qawmien tal-Mulej
mill-Imwiet

Ikona miktuba minn Nathanael Theuma.

Riflessjoni fuq l-Ikona tal-Qawmien

Talba ta' Introduzzjoni

Dan huwa il-jum li fih Kristu qered il-Mewt
U qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen!

Xi ħniena, ħniena tal-għaġeb ridt turi magħna
Xi mħabba u għożża liema bħala.
Biex tifdi l-ilsir tajt ‘l ibnek għall-mewt.
Mingħajr id-dnub t’Adam Kristu qatt ma seta’ jifdina.

Xi ħtija hienja, li stħaqqilha
Feddej kbir bħal dan, xi ħtija hienja!
Li imqajjem mill-mewt, xerred għal fuqna, il-bnedmin kollha
Id-dawl u s-sliem tiegħek. x2

Ammen, ammen, ammen x2

Salm 103

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Bierek ruħ tiegħi, bierek lill-Mulej
U la tinsiex
Il-ġid li għamel miegħek.
Tinsiex il-ġid kbir
Li għamel miegħek.

Hu li jaħfer dnubietek kollha,
Li jfejjaq il-mard tiegħek,
Jifdi ’l-ħajtek mill-qabar,
Iħaddnek bit-tjieba u l-fedeltà.       

Bierek ruħ tiegħi

Ħanin u twajjeb il-Mulej.
Idum ma jagħdab, kollu mogħdrija.
Ma joqgħodx
Jitlewwem magħna għal dejjem.
Ma mexiex magħna skont dnubietna.

Bierek ruħ tiegħi

Daqskemm huma s-smewwiet
’l fuq mill-art,
Hekk hi kbira tjubitu magħna.
Daqskemm hu mbiegħed
Il-Lvant mill-Punent,
Hekk Hu jbiegħed minna
Il-ħtijiet tagħna.        

Bierek ruħ tiegħi

Bħal ma jħenn il-missier għal uliedu,
Hekk ħenn il-Mulej għalik.
Għax Hu jaf kif aħna magħġuna,
Jiftakar li aħna dgħajfin.      

Bierek ruħ tiegħi

Bierkuh għemejjel kollha tiegħu.
Kullimkien fis-Saltna tiegħu.
Bierek lill-Mulej ruħ tiegħi.
Faħħru għal dejjem ta’ dejjem.       

Bierek ruħ tiegħi

L-Evanġelju

 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 20, 1-9)

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.

Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Glorja

Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-sema
U paċi fl-art lin-nies
Maħbuba mill-Mulej.
Infaħħruk, inberkuk, nadurawk,
Inroddulek ħajr,
Għall-glorja kbira tiegħek.

Mulej Alla, sultan tas-sema,
Missier li tista’ kollox,
Mulej Iben waħdieni,
Ġesù Kristu.

Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-sema

Mulej Alla, ħaruf t’Alla,
Iben il-missier,
Int li tneħħi d-dnubiet tad-dinja,
Ikollok ħniena minna.

Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-sema

Għaliex Int waħdek qaddis,
Int waħdek Mulej,
Int waħdek l-iżjed għoli,
Ġesù Kristu.

Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-sema …
Ammen, ammen, ammen.

HU QAM MILL-MEWT (Live)

Hu qam mill-mewt,
Hu qam mill-mewt
Hu qam mill-mewt, alleluia!
Alleluia, alleluia, alleluia,
Hu qam mill-mewt!

Il-mewt, fejn hija l-mewt?
Fejn hija l-mewt tiegħi?
Fejn hija r-rebħa tagħha?

Hu qam mill-mewt

Nifirħu, aħwa nifirħu,
Għax jekk aħna llum ninħabbu,
Dan għax hu qam mill-mewt.

Hu qam mill-mewt

Inroddu ħajr lill-missier,
Li jeħodna fis-saltna tiegħu,
Fejn ngħixu bl-imħabba!

Hu qam mill-mewt

Jekk aħna mmutu miegħu,
Miegħu aħna ngħixu,
Inkantaw miegħu; alleluia.

Leave a Reply