Ħenn għalina O Mulej.
O Kristu int mort * għand Marta, Marija u Lazzru.
Għallimna dejjem ngħożżu * ir-rigal tal-ħbiberiji tagħna.
Marija dilket il-ġisem tiegħek * b’żejt ifuħ li jiswa ħafna.
Agħmel li aħna dejjem inxerrdu * ma’ kullimkien il-fwieħa tiegħek.
Marta bdiet isservi * fuq il-mejda tal-ospitalità u l-ħbiberija.
Agħtina l-grazzja li naqdu dejjem * lil ħutna fil-bżonn.
Ġuda ma għarafx id-don * tal-imħabba u l-ġenerożità ta’ Marija.
Agħtina qalb li tifhem * is-sinjali tal-imħabba tal-oħrajn
Mulej, urejt imħabbtek lejn artek
Reġġajt mill-jasar lil Ġakobb;
Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek;
Ħfirtilna d-dnubiet tagħna lkoll.
Reġġajt lura il-qilla tiegħek;
Mulej, taffejt il-korla tiegħek.
Reġġagħna għal li konna,
Alla tagħna s-Salvatur,
Warrab minn fuqna l-korla tiegħek.
Mulej se tibqa’ għal dejjem tagħdab
u tinkorla għalina?
Mhux Int li terġa’ tagħti lilna l-ħajja,
Biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?
Uri, Mulej, it-tjieba tiegħek,
U s-salvazzjoni tiegħek tina.
Ħa nisma’ s-sliem li l-Mulej ixandar,
Għal ħbiebu u dawk li jafdaw fih.
Għax qrib tassew hi s-salvazzjoni tiegħu,
Biex igħammar f’artna is-sliem.
Reġġagħna għal li konna…
It-tjieba u l-fedelta’ jiltaqgħu,
Il-ħaqq u s-sliem jitbewsu.
U il-ġustizzja tixref mis-smewwiet,
Il-fedelta’ tinbet mill-art.
U il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
U artna tagħti il-frott.
Reġġagħna għal li konna…
Quddiemek timxi il-ġustizzja,
U s-sliem fuq il-passi tiegħek.
Mulej reġġagħna għal dak illi konna,
Warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
U is-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 12, 1-11)
Sitt ijiem qabel il-festa tal-Għid, Ġesù mar Betanja, fejn kien joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. Hemmhekk għamlulu ikla; Marta bdiet isservi, waqt li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq il-mejda ma’ Ġesù. Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, imbagħad ixxttathomlu b’xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ.
Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li kien se jittradih, qal: “Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?”. Issa dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kulma kienu jaqilgħu. Qallu Ġesù: “Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni”.
Kotra kbira ta’ Lhud saru jafu li hu kien qiegħed hemm, u marru mhux biss minħabba Ġesù, imma wkoll biex jaraw lil Lazzru, li hu kien qajjem mill-imwiet. Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
O Alla,
Għatina il-grazzja li nixhdu fid-dinja l-imħabba li sibna f’Ibnek Ġesu sidna. Għamel li kull kelma u kull azzjoni tagħna ikunu bħal fwieħa li tixhed il-preżenza tal-imħabba tiegħek f’qalbna, sabiex permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħek, kull min jiltaqa’ magħna jiltaqa’ wkoll mal-imħabba kbira tiegħek.
Ammen.