It-Tielet Ħadd tal-Għid

Talba ta' Introduzzjoni

Mulej Ġesu’,

Fis-smiegħ tal-Kelma tiegħek nagħmlu esperjenza tal-preżenza tiegħek irxoxot fostna, miexi it-triqat tagħna. Agħtina il-grazzja nemmnu li ma hemm l-ebda triq li mintix lest timxi magħna u l-ebda delużjoni li ma tistax tlaqqagħna miegħek mil-ġdid.

Bi Kristu Sidna.

Ammen.

Salm 16

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Int it-triq, inti d-dawl
Inti s-sewwa l-verità,
Jiena minnek qatt ma niddubita
Għax inti t-triq inti d-dawl
Inti s-sewwa u l-verità
Inti twassalni fl-eternità.

Ħarisni O Mulej għax fik jien nistkenn
Jien għedt lil Mulej m’għandix ġid ħliefek
It-twajbin huma l-kbar f’din l-art
Fihom il-għaxqa kollha tiegħi.
Id-dwejjaq iżidu dawk li jaħtru allat oħra,
U isimhom anqas biss ma nsemmih b’xofftejja.

Int it-triq, inti d-dawl …

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-risq tiegħi,
Inti żżomm f’idejk xortija.
Il-kejl tani art li tgħaxxaq                
Messni sehem tassew għal qalbi.
Inbierek lil Mulej li tani l-fehma     
Imqar billejl qalbi tgħallimni.          

Int it-triq, inti d-dawl …

Inżomm lil Mulej dejjem quddiemi
Għax bih ma ġenbi qatt ma nitħarrek
Tifraħ qalbi u tithenna ruħi
Ġismi ukoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix
Ma tħallix lill-maħbub tiegħek
Jara l-mewt, l-qabar jew it-taħsir.

Int it-triq, inti d-dawl …

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja
Hemm mill-milja tal-ferħ quddiemek.        
Hemm l-għaxqa għal dejjem
Hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.

Int it-triq, inti d-dawl …

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa (Lq 24, 13-35)

Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.

“X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!

Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

Ieqaf ftit ma dan it-test...
  1. Fil-bidu tal-Vanġelu tnejn mid-dixxipli kienu konfużi b’dak kollu li kien ġara f’Ġerusalemm. X’mistoqsijietiqumu ġewwa fija quddiem is-sitwazzjoni li qiegħed ngħix bħalissa?
  2. “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja.” Id-dixxipli kienu diżillużi għax Ġesu’ ma’ laħaqx l-aspettativi tagħ X’naf fuq Ġesu’?X’aspettativi għandi tiegħu? X’relazzjoni għandi ma’ Ġesu’?
  3. “U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.” Inqis lil Ġesu’ bħala l-muftieħ li biħ niftaħ l-iskrittura? Fil-Bibbja nara il-proġett ta’ Alla li seħħ f’Ġesu’ u li jrid iseħħ fija wkoll?
  4. “U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom”. Ġesu’ minn mistieden issir dak li jistiden. Kif qiegħed nilqa’ l-istedina għal l-ewkaristija? Il-quddiesa qegħda tkun ċelebrazzjoni komunitarja u esperjenza ta’ qawmien? Il-mejda tiegħi tkun miftuħa għall-mistednin?
  5. Ġesu’ mqajjem mill-mewt, jimxi dejjem magħna, anke meta ma nagħ X’iħeġġeġ lil qalbi biex nagħraf lil Mulej?
  6. Lest li nagħmel tiegħi it-talba taż-żewg dixxipli? “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”.

Riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħadd

Talbiet ta' Interċessjoni

  1. Nitolbuk Mulej biex turina sewwa it-triq li twassalna għandek. Kun id-dawl li jmexxina lejn il-glorja tas-sema. Neħħilna kull xkiel minn għajnejna li jtellifna milli ngħarfuk. Nitolbu.

  2. Nitolbuk Mulej tgħinna ngħarfu il-kobor tiegħek. Imliena bl-ispirtu tiegħek sabiex nitgħallmu kif inkunu dixxipli tajba, u urina kif inkunu lesti nemmnu it-tagħlim tal-Knisja, mingħajr ma niddubitaw. Nitolbu.

  3. Il-Mulej Ġesu qal lid-dixxipli, “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu il-profeti.” Tħallix li qatt nkunu tqal biex nemmnu l-Kelma tiegħek u niddubitaw dak li hemm miktub fuqek. Nitolbu.

  4. Mulej, inti lqajt l-istedina taż-żewġ dixxipli biex tibqa’ magħhom u rrivelajt ruħek lilhom fil-qsim tal-ħobż. Nitolbuk tibqa’ turina min inti permezz tal-ewkaristija u tal-Kelma tiegħek. Nitolbu.

  5. Mulej, id-dixxipli tiegħek reġaw lura Ġerusalemm bl-għaġġla meta għarfu min inti, biex iwasslu l-aħbar li kienu ltaqgħu mal-Mulej Ġesu. Għinna nitolbuk Mulej biex bl-eżempju tagħna inwasslu lilek għand dawk li għadhom il-bogħod minnek. Nitolbu.