Mulej Ġesu’,
inti r-ragħaj it-tajjeb u sabiħ, għamel li l-widenejn tagħna ikunu miftuħa biss għal-vuċi tiegħek, u ma jilqgħu għandom l-ebda kelma oħra li ma tidħolx mil-bieb li huwa int.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.
Ġesù hu r-ragħaj tiegħi,
Xejn ma jonqosni.
F’mergħat kollhom ħdura
Jeħodni nistrieħ.
Ħdejn l-ilma tal-ħajja,
Bi kliemu jrejjaqni.
Fis-sewwa jmexxini,
Ibegħedni mill-hemm.
Kull fejn immur, jien nimxi warajh.
Din ħajti rrid nerħi f’idejh.
Ġesù Hu r-ragħaj tiegħi,
Isejjaħ u nwieġbu.
Immur fejn jeħodni, qatt ma nħallih.
Ukoll jekk xi drabi kollox jiddallam,
Ma nibżax mill-ħsara,
Ma nibżax mill-għawġ,
Għax naf li maġenbi
Hemm Kristu jħarisni;
B’imħabbtu jwennisni,
Hawn miegħi kull ħin.
Kull fejn immur…
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 10, 1-10)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.
Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.
Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu