Tlugħ il-Mulej fis-Sema

Talba ta' Introduzzjoni

Mulej Ġesu’,

int afdajt il-missjoni tiegħek f’idejn id-dixxipli tiegħek u wegħdthom li ser tkun magħhom sa l-aħħar taż-żmien. Kun mal-Knisja tiegħek illum, sabiex hi u tisma’ l-Kelma tiegħek, timtela bl-Ispirtu tal-preżenza tiegħek, u tkompli twettaq il-missjoni tagħha b’fedelta. Bi Kristu Sidna.

Ammen.

Salm 117

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Morru fid-dinja kollha
U xandru l-bxara t-tajba.
Morru fid-dinja kollha
U xandru l-bxara t-tajba
Lill-bnedmin.

Faħħru lill-Mulej ġnus kollha ta’ l-art,
Sebbħu ’l Alla popli kollha.       

Morru fid-dinja kollha

Għax kbira hi tjubitu magħna,
Il-fedeltà  ta’ Alla hi għal dejjem.                            

Morru fid-dinja kollha

L-Evanġelju

Għeluq tal-Evanġelju skond San Mattew (Mt 28, 16-20)

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

 

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

Ieqaf ftit ma dan it-test...
  1. Xi wħud mid-dixxipli ta’ Ġesù għalkemm  għexu miegħu, xorta ddubitaw minnu.  Kemm hi kbira l-fidi tiegħek fil-Mulej? Tħossok li tista’ tintelaq f’idejH?
  2. Ġesù ordna lid-dixxipli tiegħu biex imorru jgħallmu lill-ġnus kollha.  Qiegħed twassal it-tagħlim ta’ Ġesù? Kif?  Bil-fatti jew bil-paroli?
  3. Ġesù lid-dixxipli qalilhom biex imorru jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.  Kemm qed tkun ta’ xhieda minkejja l-kurrent li jkun qed jonfoħ kontra?  Jew qed tippreferi tkun parti mill-folla biex ma tidhirx ikrah?
  4. Ġesù wiegħed li se jkun magħna sal-aħħar taż-żmien.  Kemm temmen li Ġesù hu preżenti f’ħajtek? Tfittxu dejjem? Jew biss meta hu konvinjenti għalik?

 

Riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħadd

Talbiet ta' Interċessjoni

  1. Mulej Ġesù, nitolbuk ittina l-kuraġġ u l-fidi biex ma naħarbux imma nibqgħu nistennew sa ma jseħħ dak li inti tixtieq minna, minkejja li ma nistgħux nifhmu dak li inti tixtieq twettaq f’din is-sitwazzjoni. Nitolbu.
  2. Alla Missier, ibgħat l-Ispirtu Qaddis biex iqawwi qlubna u nkunu xhieda tiegħu f’kull ħin u kull mument. Nitolbu.
  3. Mulej Ġesù, nitolbuk tagħti d-don tal-għerf u spirtu ta’ rivelazzjoni lill-mexxejja kollha, speċjalment lil dawk li inti fdajt bit-tmexxija tal-Knisja tiegħek. Nitolbu.
  4. Mulej, fid-djufija tagħna spiss niddubitaw u nitilfu t-tama tagħna fik. Ikkumpatina u ibgħat fuqna l-Ispirtu s-Santu biex aħna nemmnu li inti magħna dejjem, sal-aħħar taż-żmien. Nitolbu.
  5. Mulej, agħti l-paċi, is-saħħa, l-imħabba u l-kompassjoni lil dawk kollha li qed jieħdu ħsieb tal-morda u l-anzjani biex jibqgħu jissieltu sa ma tinstab il-kura. Nitolbu.
  6. Mulej, nitolbuk tixħet il-barka tiegħek fuq il-familji tagħna, fuq uliedna u dawk kollha li jitolbuna nitolbu għalihom. Nitolbu.

Talba tal-Għeluq

Mulej Ġesu’,

fit-tlugħ tiegħek fis-sema, inti ma ħallejtx lid-dixxipli tiegħek orfni, imma kebbist fihom ix-xewqa qaddisa għal-Ispirtu Qaddis tiegħek. Għamel li l-Knisja tiegħek ma tieqaf qatt tħares lejn is-sema u titlob lil-Ispirtu tiegħek iġeddidha kulljum.

Ammen.