Missier Qaddis,
ħares nitolbuk lejn il-qlalb tagħna li kontinwament tfittxek, u tħallihiex titħawwad u tintilef fit-taħbit tagħha. Għamel nitolbuk, li permezz tal-grazzja tal-Ispirtu tiegħek, tiltaqa’ ma’ Ibnek Ġesu’, u ssib fih it-triq li twassal għal għandek. Bi Kristu Sidna.
Ammen.
Kull ħin inbierek ismu,
Tifħiru dejjem fuq fommi,
Ruħi tiftaħar fil-Mulej.
L-umli jisma’ kelmtu,
Il-miġruħ jimtela bil-ferħ,
Ejjew bil-ferħ ħa ngħannu lill-Mulej.
Imbierek int Mulej
Għal dejjem ta’ dejjem.
Fittixtek, weġibtni
U ħlistni mit-tiġrib.
Imbierek int Mulej
Għal dejjem ta’ dejjem.
Ejjew flimkien
Ħa ngħannu lill-Feddej.
L-anġlu tiegħu jgħasses
Madwar dawk li jibżgħu minnu,
Biex jeħlishom mit-telfien.
Minkejja l’hawn il-ħażen
It-tajjeb ma jonqosx;
Ejjew flimkien ħa ngħannu lill-Mulej.
Imbierek inti Mulej …
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 10, 37-42)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.
Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Mulej Ġesu,
Għatina il-grazzja li nħobbu lilek aktar min kull ħaġa u persuna oħra, sabiex l-imħabba tagħna tkun tixbaħ lil-tiegħek. Għamel li bħalek nkunu lesti dejjem nitilfu ħajjitna għal-oħrajn, sabiex inkun nistgħu nissejħu dixxipli tiegħek.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.