L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

Talba ta' Introduzzjoni

Missier Qaddis, infaħħruk ta’ dan iż-żmien qaddis tal-Avvent u tas-sejħa biex aħna nishru u nitolbu waqt li nistennew it-tieni miġja ta’ Ibnek Ġesù. Agħtina d-don tal-Ispirtu biex dan iż-żmien ikun għalina żmien ta’ tiġdid fil-mixja tagħna wara Ibnek, u t-tama fl-imħabba tiegħek tkun li tmexxina biex nkunu xhieda ħajjin tal-fidi u t-tama tagħna fik.
Bi Kristu Sidna. Ammen.

Salm 85

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Mulej, urejt imħabbtek lejn artek
Reġġajt mill-jasar lil Ġakobb;
Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek;
Ħfirtilna d-dnubiet tagħna lkoll.
Reġġajt lura il-qilla tiegħek;
Mulej taffejt il-korla tiegħek.

Reġġagħna għal li konna, Alla tagħna s-Salvatur,
Warrab minn fuqna l-korla tiegħek.
Mulej se tibqa’ għal dejjem tagħdab u tinkorla għalina?
Mhux Int li terġa’ tagħti lilna l-ħajja,
Biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?

Uri, Mulej, it-tjieba tiegħek,
U s-salvazzjoni tiegħek tina.
Ħa nisma’ s-sliem li l-Mulej ixandar,
Għal ħbiebu u dawk li jafdaw fih.
Għax qrib tassew hi s-salvazzjoni tiegħu,
Biex igħammar f’artna is-sliem.

Reġġagħna għal li konna…

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
Il-ħaqq u s-sliem jitbewsu.
U il-ġustizzja tixref mis-smewwiet,
Il-fedeltà tinbet mill-art.
U il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
U artna tagħti l-frott.

Reġġagħna għal li konna…

Quddiemek timxi il-ġustizzja,
U s-sliem fuq il-passi tiegħek.
Mulej reġġagħna għal dak illi konna,
Warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
U is-salvazzjoni tiegħek agħtina.

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Mark (Mk 13, 33-37)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.

Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.

U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

 

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

Ieqaf ftit ma dan it-test...
  1. L-Avvent huwa żmien ta’ stennija u tama sħiħa fil-miġja tal-Mulej f’ħajti. Liema realta’ fil-ħajja tiegħi bħalissa hemm bżonn li jżur il-Mulej Ġesù u forsi sal-llum għadni niddubita li nsibu fiha?
  2. Fit-tieni qari San Pawl ifakkarni li f’Ġesù jiena stgħanejt f’kollox, “f’kull kelma u f’kull għerf”. F’dan iż-żmien tal-Avvent x’inhi l-kelma principali li nħoss l-Mulej qiegħed itini li l-iktar titfa dawl fuq il-ħajja tiegħi? X’inhu l-għerf tal-qalb u tal-Vanġelu li l-Mulej qiegħed jagħtini għal dan iż-żmien?
  3. “Jiġi għall-għarrieda u jsibkom redqin”. Fejn u meta qiegħed ninduna li donnu nkun iżjed aljenat, bħal li kieku ninsa li jiena dixxiplu ta’ Ġesù u fejn tiġi nieqsa l-fidi tiegħi biex inkun xhud tal-ħajja ġdida u differenti li rċevejt fil-magħmudija?
  4. San Pawl jerġa jxandrilna li “Alla jżomm kelmtu”. Ta’ xiex nista infaħħar u nirringrazzja lill-Mulej? Kif b’mod konkret kien fidil għall-Kelma li offrili fil-mixja tiegħi?

Talbiet ta’ intercessjoni

  1. Missier Qaddis agħtina d-don tal-għerf, biex fil-kliem tas-salm nagħrfu ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex ma naħlux d-don ta’ żmien li tajtna, u li tikber fina x-xewqa li naraw d-dehra ta’ wiċċek, biex anke fid-dlam tagħna naraw id-dawl tiegħek. Nitolbu.

  2. Noffrulek Missier dak li fil-ħajja tagħna bħalissa iħallina fuq ix-xwiek, dak li jdahhalna fl-ansejta’ u l-biża. Tħalliniex naqdfu għal rasna u agħtina d-don tal-fiduċja fik biex bħal Pietru aħna inħalluk taqbadna minn idejna. Nitolbu.

  3. Biex bħal Marija aħna nagħrfu kif nagħtuk l-ispazju fil-ħajja tagħna biex tkellimna u taħdem fina. Agħtina qalb li tisma speċjalment l-Kelma tiegħek, b’kull mod li inti tixtieq ssemma leħnek. Nitolbu.

  4. Nitolbuk Missier għal kull min qiegħed jgħix bi tbatija dan iż-żmien preżenti, minħabba l-mard jew il-prekarjeta’ li daħlet f’ħajjtu. Biex dan iż-żmien tal-Avvent ikun għal dawn il-persuni mument ta’ tiġdid u ta’ konsolazzjoni. Nitolbu.

Talba tal-Għeluq

Mulej Ġesu,

Infaħħruk Missier Qaddis tal-fedelta’ kbira li inti turi magħna, talli fl-imħabba tiegħek inti stgħanejtna b’kull ġid spiritwali, speċjalment bid-don tal-Ispirtu li jgħammar f’qalbna. Agħtina nitolbuk minn dan l-Ispirtu biex nagħrfu nużaw sew dan iż-żmien tal-Avvent bħala żmien ta’ stennija, tiġdid u tama fil-miġja ta’ Ibnek, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal ta’ dejjem ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna,

Ammen.