It-Tieni Ħadd tal-Avvent

Talba ta' Introduzzjoni

Missier Qaddis, hekk kif nidħlu għal dan il-jum, it-tieni Ħadd ta’ dan iż-żmien qaddis ta’ stennija, iftħhilna qalbna u agħtina l-kurraġġ li nħallu lill-Ispirtu Qaddis tiegħek iqawwilna qalbna biex aħna wkoll nħejju t-triq għall-miġja ta’ Ibnek Gesu, li għalkemm ma jistħoqqielniex inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu, Hu lilna ma jsejhilniex qaddejja imma jagħzel li jsejħilna ħbieb.

Bi Kristu Sidna,

Ammen.

Iżaija 40

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi.
Kellmu ’l-qalb ta’ Ġerusalemm.
Għidulha li ntemm il-jasar tagħha,
Li fuqha jiddi l-Mulej.

Ħejju triq għall-Mulej fid-deżert,
Wittu mogħdija fix-xagħri.
Jintradam kull wied,
Jinżlu l-muntanji,
U tfeġġ il-glorja tal-Mulej.

Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi …

Jiena għidt kull bniedem ħaxix,
Sbuħitu ward ir-raba’.
Jinxef il-ħaxix,
Jidbiel il-ward,
Iżda għall-dejjem kelmet il-Mulej.

Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi …

Itla’ fuq muntanja għolja,
Ħabbara għal Sijon.
Għolli leħnek b’qawwa,
Għajjat, la tibżax,
Għax għandek ġej il-Mulej.

Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi …

Bħalma ragħaj jirgħa l-merħla tiegħu,
Hekk huwa jirgħakom.
Bi driegħu jiġma’ l-ħrief,
Fi ħdanu jerfagħhom,
U n-nagħaġ ireddgħu jmexxi bil-mod.

Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi …

L-Evanġelju

Bidu tal-Evanġelju skont San Mark (Mk 1,1-8)

Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jien għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

 

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

Ieqaf ftit ma dan it-test...

1.L-Avvent hu żmien ta’ preparazzjoni, żmien ta’ tħejjija. Kif qed nipprepara ruħi f’dan iż-żmien? Qiegħed u qiegħda nfittex dak li hu l-iktar essenzjali jew qed inħalli lili nnifsi ninġarr mill-kurrent u naljena ruħi kemm nista’?
2. “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi” – il-kliem tal-Profeta Isaija. F’dan iż-żmien partikulari, meta forsi hawn bżonn min jitfarraġ iktar minn qatt qabel, insib ħin biex inkun ta’ faraġ għall-oħrajn? X’qed nagħmel bil-ħin mogħti lili? Għandi kelma ta’ faraġ għall-persuna oħra?
3. “Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa, u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.” Jien nemmnu dan il-kliem tal-Profeta…jew jibqa’ ghaddej minghajr ma jaħbat mal-ebda rokna ta’ qalbi? Ħajti u l-mod kif ngħix qegħda tirrifletti din it-tama sħiħa fil-Mulej, daqshekk qawwi imma daqs tanti iehor teneru u gentili; Hu li jara l-fraġilita u d-dgħufija tiegħi – Hu li jerfa’ l-ħrief fi ħdanu u n-nagħaġ ireddgħu, bil-mod imexxihom?
4. San Pietru fl-ittra tiegħu jghidilna “il-Mulej jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd minnkom jintilef”, jien nieħu pacenzja bl-oħrajn jew naqta’ qalbi mill-ewwel li l-ieħor jew l-oħra għad tersaq qrib tal-Mulej. U mhux biss bl-oħrajn… u bija nnifsi? Nistabar? Fejn hi l-perseveranza tiegħi?

Talbiet ta’ intercessjoni

1. Il-protagronista tal-llum hu Gwanni l-Battista – il-leħen jgħajjat fid-deżert. Agħmel Mulej li ħajti tkun bħal ta’ dan Ġwanni – li ħajti wkoll tkun leħen li jgħajjat fid-deżert modern li ngħixu fih – deżert ta’ solitudini, ta’ egoiżmu, ta’ nuqqas ta’ tama, deżert ta’ aljenazzjonijiet, biex is-socjeta tqum minn dan in-ngħas u tagħraf lilek bħala s-Sid u l-Mulej tal-ħajja. Nitolbu

2. L-evanġelista jiddeskrivi fid-dettal l-ilbies ta’ Gwanni. Ħwejgu jixhdu kemm kien differenti minn kulħadd, għalih waħdu; jixhdu l-qawwa interna tiegħu, id-determinazzjoni u l-passjoni tiegħu; li qalbu kienet sħiħa b’għan wieħed biss! Agħmel Mulej li aħna wkoll niddakkru minn din l-istess ħeġġa u kurragg ta’ Ġwanni, ma nibżgħux inkunu differenti għax nemmnu li fid-differenza tagħna aħna nsiru dejjem aktar nixbhu lilek. Nitolbu

3. Ġwanni l-Battista kellu aħbar tajba x’jgħaddi lill-oħrajn; kelma ta’ faraġ, ta’ tama. Nitolbu għall-Knisja u għall-Insara kollha biex aħna ma nżommux din il-kelma għalina, imma nitħeġġu dejjem aktar biex inxandru il-ħniena kbira li l-Mulej għandu għal kull min idur lejh b’qalb niedma. Nitolbu

4. Illum it-tieni Ħadd tal-Avvent, l-Evanġelista jeħodna fid-deżert, il-bogħod minn kulħadd u l-bogħod minn kull distrazzjoni u minn kollox, ħlief minna nfusna! Nitolbu li nieqfu u nisimgħu l-għajta ta’ Ġwanni biex nindunaw li din is-sejħa hi għalina personali biex nidħlu fina nfusna u nindunaw li l-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu lil Mulej dan il-Milied, hu li nhalluH iħobbna. Nitolbu

Talba tal-Għeluq

Nirringrazzjawk Missier Qaddis tal-Kelma tiegħek li ddawlilna il-mogħdija tagħna, timlina bit-tama, bil-ħajja u bil-qawwa tiegħeK. Agħtina l-Ispirtu tiegħek biex aħna wkoll bħal Ġwanni l-prekursur tiegħek, f’dan iż-żmien qaddis nimtlew bi spirtu qalbieni, ikollna qalb sħiħa u għan wieħed li kull fejn inkunu nickienu aħna biex tikber Int, biex il-bnedmin kollha jagħrfu li Int Imhabba u għax Int Imħabba ma tafx ħlief tħobb u ma tieqaf tħobb qatt.

Bi Kristu Sidna,

Ammen.