MSSP Oratory Youths

Maundy Thursday Podcast

Agħfas play biex issegwi. Biex tniżżel (download) dan il-podcast fuq il-computer, agħfas hawn.

L-Evanġelju

Qari mill-Evangelju skont San Ġwann (Ġwanni 13: 1 -17)

 

Qabel il-festa ta’ l-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar. Kienu qegħdin għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih. Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Mbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu. Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej, taħsilli saqajja?” Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ‘il quddiem.” Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!” Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi.” Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll.” Qallu Ġesù: “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll.” Għax hu kien jaf min kien sejjer jittradih; għalhekk qal, ‘M’intomx ilkoll indaf.’

Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq il-mejda; u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejjħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll. Tassew tassew ngħidilkom, l-ilsir m’huwiex aqwa minn sidu, anqas il-messaġġier ma hu aqwa minn min jibagħtu. Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom.

Riflessjoni

Meta kont iżgħar, kien mingħalija li naf sew x’inhi l-imħabba. Wara kollox, ilkoll kemm aħna nesperjenzaw l-imħabba b’xi mod jew ieħor – inħobbu lil xi ħadd, jew niġu maħbuba, per eżempju. Tista’ tgħid li kulħadd daq l-imħabba ta’ xi ħadd, ħabib, membru tal-familja, qraba…

Imma aktar ma nikber, aktar naħseb kultant jekk jien, u l-biċċa l-kbira tan-nies, jafux sew xi tfisser dil-kelma li tintuża żżejjed. Jekk inkunu onesti, għandna nħossu li aħna mbegħdin mit-tifsira sħiħa tagħha. Għaliex?

Għaliex iktar ma nikbru, aktar nibdew insiru nafu l-lat oskur tal-imħabba. Insiru nħobbu lil xi ħadd u naħsbu li l-imħabba  tagħna mhi se tintemm qatt, sakemm fl-aħħar l-imħabba tmut, inkella tinbidel fi qrusa, jew tibred, inkella tiġi ttraduta, tweġġagħna, sakemm ma nkunux aħna stess li nweġġgħu lil min iħobbna. Dawn, u oħrajn isiru esperjenzi komuni aktar milli nixtiequ. U fl-aħħar, agħar minn hekk, niskopru li hemm nies fil-ħajja tagħna li jtuna l-ġenb, li jibqgħu ma jaħfrulniex, hekk li ma jkun xejn faċli li nħossu l-imħabba, u li nħobbu.

Fid-dawl ta’ dan, nixtieq nikkummenta fuq l-aktar kmandament importanti li tana Ġesù: Ħobbu lil xulxin  bħalma ħabbejtkom jien.!

Faċli ħafna li dan il-kmandament narawh mil-lat sempliċi, nirromantiċizzawh, jew nifhmuh b’mod kif jaqbel lilna. Imma dan il-kmandament hemm fih l-aktar sfida importanti fil-vanġelu kollu, l-istess bħall-aktar parti profonda tal-vanġelu li magħha hu marbut, jiġifieri l-kruċifissjoni. U hu ferm u ferm diffiċli biex timitah. Għaliex?

Huwa faċli li nikkunsidraw lilna nfusna bħala nies li nħobbu jekk inħarsu lejn naħa waħda tal-munita, jiġifieri r-relazzjoni tagħna ma’ nies li faċli tħobbhom, li jirrispettawna u li huma ġentili magħna. Jekk nippruvaw nagħtu marka lilna nfusna dwar kemm kapaċi nħobbu f’mumenti sbieħ meta nkunu ma’ nies li jaħsbuha bħalna, faċli naslu għall-konklużjoni li aħna nies li kapaċi nħobbu u li qegħdin nobdu l-kmandament ta’ Ġesù.

Imma jekk nidħlu aktar fil-fond tar-relazzjonijiet tagħna, f’dawk l-aspetti li forsi naħbu taħt it-tapit, il-kunfidenza fina nfusna malajr tibda tiċċajpar. Xi ngħidu għal dawk in-nies li jobogħduna, li m’għandniex grazzja magħhom? U għal dawk in-nies li niskartaw, jew li nafu li huma jiskartawna? U dawk in-nies li jirritawna jew li jqabbżuhielna? Xi ngħidu mbagħad għal dawk in-nies li magħhom ma nħossuniex komdi, li nissuspettaw fihom, li nħossu bruda u rabja għalihom? U dawk li qatt ma rnexxielna naħfrulhom?

Faċli tħobb lil min jadurak, imma kemm hu diffiċli li tħobb lil min tixtieq li jmut zoptu!

Imma dan hu l-veru test. Il-kmandament ta’ Ġesù biex inħobbu fih klawsola kritika u subordinata: bħalma ħabbejtkom jien! X’hemm uniku fil-mod li bih iħobbna?

Hu hawnhekk li Ġesù jmur lil hinn mill-istint naturali tagħna u lil hinn mid-delużjoni bina nfusna: jiġifieri meta jitlobna nħobbu l-għedewwa tagħna, li nħobbu lil min hu biered magħna, li nuru ħniena ma’ min kien kattiv magħna, li nagħmlu t-tajjeb ma’ min jobgħodna, li naħfru lil min weġġagħna, li naħfru lil min ma jridx jaħfrilna, u li fl-aħħarnett inħobbu u naħfru lil min qed jipprova joqtolna.

Dak il-kmand, li tħobb u taħfer lill-għedewwa tiegħek, aktar minn kull kredu jew kwistjoni morali oħra, hu t-test deċisiv għad-dixxipulat nisrani. Nistgħu nemmnu bis-saħħa kollha u niddefendu kull m’hemm fil-kredu, u niġġieldu b’passjoni kbira għall-ġustizzja fid-dimensjonijiet kollha tagħha, imma l-veru test li juri jekk aħniex segwaċi ta’ Ġesù hu l-kapaċità jew in-nuqqas tagħha li naħfru lill-għadu tagħna, li nibqgħu nħobbu lil min ma jħobbniex, u li ma niskartawx li min jiskartana.

Għalxejn nidħku bina nfusna. Faċli li noħolqu argument biex niġġustifikaw ruħna, u jekk nagħmlu hekk, m’hemmx dubju li se nsibu kemm irridu ħbieb foloz iduru mas-saqajn, li jsaħħu argumenti teoloġiċi u psikoloġiċi biex niġġustifikaw għala m’għandniex inħobbu l-għedewwa tagħna. Imma mal-vanġelu m’hemmx kompromessi: inkunu qegħdin inħobbu verament, jew inkella m’aħna nħobbu xejn, mhux skont kemm inħobbu lil min iħobbna, iżda skont kif inġibu ruħna ma’ min  jobgħodna, itina l-ġenb, jew hu ostili għalina. Din hija l-verità, iebsa veru, iżda magħha m’hemmx argumenti jekk irridu nobdu l-kmandament ta’ Ġesù dwar l-imħabba, u jekk inkunu onesti magħna nfusna, ikollna nammettu li fadlilna wisq x’naqdfu.

Hemm verità iebsa f’dak li tgħid il-kanzunetta Golddust Woman, ta’ Stevie Nicks. Dil-kantanta tgħid li ma tkunx ħaġa ħażina jekk, xi darba f’ħajjitna, xi ħadd ikisser l-illużjoni tagħna tal-imħabba, għaliex spiss jiġri illi ma nkunux konxji tal-intenzjonijiet veri tagħna, u l-imħabba tagħna tispiċċa biex tkun manipulattiva u ddur madwarna. Spiss jiġri wkoll, illi kif tgħid id-diska, fejn tidħol l-imħabba, xejn ma naqtgħu figura tajba għax bla ma nafu, inkunu qegħdin nagħmlu lil ħaddieħor vittma tagħna.

Dak li jkisser l-illużjoni tal-imħabba hija l-preżenza f’ħajjitna ta’ nies li jobgħoduna. Huma l-eżami li rridu nagħmlu. Għax minnu joħroġ ir-riżultat – jekk inħobbuhom, mela nafu nħobbu ta’ veru; jekk le, għadna ngħixu f’illużjoni.

Mistoqsijiet ta' riflessjoni

  • Xi jfisser għalik li tħobb bl-istess imħabba li jħobb HU? Fejn qiegħed / qiegħda inti quddiem din id-definizzjoni ta’ mħabba?
  • Agħlaq għajnejk għal ftit u immaġina l-aħħar ikla tiegħek. Min huma l-mistednin madwar il-mejda tiegħek?
  • Hemm persuni li tagħżilhom int f’ħajtek u oħrajn li jpoġġihomlok il-Mulej. Min huma dawk il-persuni li bħal Ġuda jagħmluhielek diffiċli biex tħobbhom jew għax traduk, jew huma bierda f’għemilhom, jew għax weġġgħuk wisq biex taħfrilhom? 
  • Xi jżommok milli tħares lejn dawn il-persuni bl-istess għajnejn li jħares lejhom HU? Kemm int lest/a li tinsa l-weġgħat tiegħek u tinżel taħsel saqajhom?