MSSP Oratory Youths

Good Friday Podcast

Agħfas play biex issegwi. Biex tniżżel (download) dan il-podcast fuq il-computer, agħfas hawn.

L-Evanġelju

Qari mill-Evangelju skont San Mark (Mark 15: 22 – 39)

U wassluh f’post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa. U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedx jieħu minnu. Mbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed jieħu li jmissu. Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh. Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: “Is-sultan tal-Lhud.” Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajjruh, iċaqilqu rashom u jgħidu: “Għajb għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa’ tibnih fi tlitt ijiem! Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!” Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba u jgħidu: “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Ħa jinżel issa l-Messija, is-sultan ta’ Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw u nemmnu!” U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma wkoll. Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U fid-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Eloî, Eloî, lema sabaqtani!”, li jfisser: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: “Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!” U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob filwaqt li qal: “Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!” Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu. U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel. Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!”

Riflessjoni

“Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard,
bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu,
bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh.” (Isaija 53:3).

Is-salib, bil-vjolenza u l-istmerrija tal-ħażen tiegħu, jibkina. Nirribellaw lejn din l-iġustizzja, raġel innoċenti b’qalb pura li kien suġġett għal torturi kbar u umiljazzjoni waqt li nies fil-poter pjanaw li jeħilsu minnhu. Għalkemm il-ħruxija u tbatija tiddisturbani, is-solitudni tal-Mulej tiddisturbani ħafna aktar. Kif Ġesù waqa’ fil-ġebel fi triqtu lejn il-Golgota u bit-toqol tas-salib, salib li ġarr waħdu. Is-salib, Ġesù fehem li dan kien il-mument fejn kien se jaffaċċja l-agħar ħruxijiet, abbandun u iżolazzjoni.

Ftit sigħat qabel, Ġesù kien qed jitlob waħdu fil-Ġnien tal-Ġetsemani, jitkarrab lill-Missier għall-kompassjoni, waqt li sħabu kienu mitlufin fl-irqad. Fis-sigħat ta’ wara, wieħed mill-akbar ħbieb tiegħu kien se jinsisti li ma kienx jaf min hu Ġesù. Anke meta Ġesù kien imsallab bejn żewġ ħallelin, ħadd ma seta’ jifhem mil-liema passjoni għadda. Persuni li jkunu għaddejjin minn tiġrib kbir, jgħidu li jħossuhom f’solitudni anke jekk ikunu mdawwrin bin-nies. Fl-aħħar il-kliem ta’ dwejjaq kbar li kellu Ġesù jagħtu leħen għall-qsim il-qalb li kellu. Ġesù beka għall-Missier li jidher li ħallieh waħdu.

B’mod figurattiv, dan hu ż-żmien meta nidħlu fil-kamra ta’ ġewwa, fil-postijiet fejn inħossuna waħidna, meta nistaqsu l-mistoqsijiet li jiżolawna, fil-mistħija u l-vizzji li nippruvaw naħbu minn ħaddieħor. Hawn nerfgħu is-salib tagħna, li aħna biss nifilħu, ma’ Ġesù, nidħlu fil-kantuniera fejn nibżgħu li mhux se nsibu tweġiba.

Meta naslu f’dak il-post waħidna, ninduna li Ġesù jinsab hemm. Ġesù ġarr is-salib waħdu, miet waħdu biex aħna qatt ma nbatu din is-solitudni kbira. Ġesù esperjenza tip ta’ solitudni li aħna qatt m’aħna se nesperjenzaw. M’għandnix nibżgħu mid-dlam, jew minn postijiet solitarji għax Ġesù jinsab hemm.

Ġesù mhux biss jifhem is-solitudni tiegħek; imma qed ikissirha għalik. Għax hu miet għalik, għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom cittadini flimkien mal-qaddissin u nies tad-dar ta’ Alla (Efesin 2:19). Għax Ġesù kien iżolat minn Alla u mill-bniedem, tista’ tgawdi l-familja t’Alla u tal-qaddisin kollha għal dejjem. Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu. (Lhud 4:16).

Mistoqsijiet ta' riflessjoni

  • Ġesù wera l-umanità tiegħu meta ħassu waħdu u abbandunat fuq is-salib. Dan ir- Randan, forsi aktar minn qatt qabel qed tħoss sens ta’ solitudni. F’din is-solitudni qiegħed/qiegħda tħalli l-grazzja t’Alla taħdem fik sabiex tkun aktar tista’ tidħol fil-fond tal-misteru tal-Għid? Qed tħalli lil Ġesù jerfgħek mill-abbissi ta’ ħajtek?
  • Id-dixxipulat jitlobna nerfgħu s-salib tagħna u nimxu wara Ġesù. X’inhu s-salib fil-ħajja tiegħek? Kif qed tgħix dan is-salib? Qed tgħixu waħdek u mbeżża’ jew ma’ Ġesù?
  • Mill-kustat ta’ Kristu ħareg demm u ilma, simboli tal-Maghmudija u tal-Ewkaristija. Kemm qed tgħix is-sejħa tal-Magħmudija bħala iben/bint Alla? Minħabba s-sitwazzjoni li qed ngħixu f’dawn iż-żminijiet kellek issum mill-Ewkaristija. Inti grat/grata tar-rigal ta’ dan is-sagrament jew kont tieħdu for granted?
  • X’emozzjonijiet tqanqal fik il-Passjoni ta’ Ġesù? Fid-dawl ta’ dan, kif tħossok quddiem l-inġustizzji u t-tbatijiet li tara madwarek, fosthom is-solitudni? X’azzjoni konkreta tixtieq tieħu f’dan ir-rigward?