MSSP Oratory Youths

Pentecoste Podcast

Agħfas play biex issegwi. Biex tniżżel (download) dan il-podcast fuq il-computer, agħfas hawn.

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (20: 19-23)

Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Il-Kelma tal-Mulej

RIFLESSJONIJIET

L-Ewwel Riflessjoni: Spirtu S-Santu bħala Nar

“Mis-sema semmagħlek leħnu biex jgħallmek u fl-art uriek in-nar tiegħu kbir,
u kliemu semmgħek minn ġon-nar”.
(Dewteronomju 4:36)

Mosè waqt il-patt fuq il-muntanja Ħoreb ħeġġeġ lil-Lhud b’dal-kliem. Fakkarhom fil-qawwa li għandu l-ispirtu f’dawk li jilqgħuH. Huwa bħal nar kbir, bħal enerġija li ma tistax tiġi kkontrollata. 

Aħna lkoll xi darba jew oħra ħassejna dan in-nar ibaqbaq fina, bħal enerġija li trid toħroġ b’xi mod; dik l-isplużjoni, dik il-passjoni, dik il-kreattività, dik id-drive li tqanqlek minn ġewwa u tħoss bħal urgenza kbira biex taqsamha mal-oħrajn. L-ispiritwalità hija din l-enerġija, dan in-nar ibaqbaq fina. M’hijiex għażla ta’ xi wħud li jagħżlu jgħixu mod partikulari ta’ ħajja. Hija enerġija li tifforma parti essenzjali minna. Nitwieldu fiha mill-ġuf. Hija s-sors tal-ħajja. 

Il-mixja tagħna spiritwali iżda hija dwar x’se nagħmlu b’dan in-nar ibaqbaq… Se noħorġuh fl-ambizzjoni għax-xogħol, fil-kilba għal dak kollu li jagħti pjaċir lil ġisimna, fix-xewqa kontinwa għal dak kollu li huwa materjali? Nistgħu ngħixu ħajja spiritwali mingħajr ħajja fl-ispirtu? Ir-rwol tal-Ispirtu s-Santu huwa essenzjali, għaliex huwa bil-grazzja tal-ispirtu li naslu li nagħrfu lil Alla bħala l-missier u nifhmu aħjar ir-rieda tiegħu. Persuni ordinarji mimlijin b’nar iħeġġeġ tal-ispirtu jaslu jagħmlu differenza kbira.

Alla jagħti istruzzjonijiet ċari lil Mosè: In-nar ta’ fuq l-artal irid jibqa’ mixgħul, m’għandu jintefa’ qatt. Kull filgħodu l-qassis tal-antik testament rid iżid ħatab ġdid sabiex jibqa’ jaqbad. Tant iehor meta n-nar jitnissel fina, l-uniku rwol li għandna nieħdu hu li nżommuh mixgħul.

Ħafna drabi meta jibda jnemnem nidħlu f’deżolazzjoni kbira u f’urġenza biex naraw kif se nerġgħu nqabbduh. Imma m’huwiex int li kebbist in-nar fik u bl-istess mod, ma tistax tkun int waħdek li terġa’ tqabbdu.

Poġġi kull ħaġa li qed iżżommok lura, kull ħaġa li għandha bżonn tinħaraq mal-ħatab fuq l-artal – l-egoiżmu, il-pride, l-apatija, l-ambizzjoni, ir-rabja, iċ-ċirkustanzi tal-preżent u ħu pass lura mill-artal tas-sagrifiċċju. Itlob lil Alla biex jagħmel mis-sagrifiċċju tiegħek dak li jrid HU. Ibqa’ hemm ħares lejn il-ġmamar jerġgħu jitkebbsu f’ħuġġieġa ta’ nar.

Tixtieq il-Mulej jibqa’ jkebbes dan-nar fik, ibqa’ poġġi fuq l-artal kulma jista’ jtaffi dan-nar. Kollha ngħaddu minn żminijiet li jfixkluna, iżda hekk kif qed tisma’ dir-riflessjoni, ftakar li aktar mal-ħatab ikun niexef, aktar ma n-nar jaqbad malajr u b’saħħtu.

X’hemm bżonn li tħalli fuq l-artal mal-ħatab bħalissa sabiex jerġa’ jitkebbes in-nar?

It-Tieni Riflessjoni: Spirtu S-Santu bħala Ilma

Wieħed mill-isbaħ immaġni bibbliċi li tagħtina l-Knisja fuq kif jiġi  l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna hu f’forma ta’ ilma. Gelgul frisk ta’ ilma Ħaj li kapaci jwelled mogħdija ġdida fejn m’hemmx;  li  jaħsel u jippurifika u jerġa’ jbajjad bħas-silġ. Bin-naqra n-naqra jaf jifqa’ ħitan sodi, saħansitra jgħerreq u jdaħħal fil-mewt!   

Isaqqi…   Ikabbar…    isaħħaħ…

U jagħti l-Ħajja!

L-Istess l-Ispirtu Qaddis ta’ Ġesù.

Bil-grazzja tiegħU jidħol fil-fond tal-ħajja tiegħi u tagħna  u  jifqa’ dak kollu li kabbart jiena;  dak kollu li nippretendi  jien.    Iqaċċat dak kollu li ġej minni: is-suppervja tiegħi, l-inkonsistenzi  tiegħi,  il-ħażen, id-dnub,  u jsaqqi, ikabbar u jsaħħaħ mod ġdid ta’ ħajja,  perspettiva differenti,  għarfien ġdid, doni li qatt ma ntbaħna bihom. Gratitudini lejn dan  Alla Missierna. Qalb li kapaċi tisma’ lilU u l-karba tal-oħrajn.

U bis-saħħa u l-grazzja ta’ dan l-Ispirtu, nieħdu  r-ruħ u nagħtu l-frott. Kull wieħed skont il-qies tiegħu u skont is-sejħa li ngħatatlu bis-saħħa tal-magħmudija. Dan hu l-istess ilma li ħareġ mill-kustat ta’ Ġesù kif ta ruħu, u li bih ġejna mogħtija l-Ispirtu tiegħU.  Kif HU niżel fil-mewt u qam għall-ħajja, hekk ukoll aħna mmutu għal kull ma hu fieragħ f’din id-dinja u bis-saħħa ta’ dan l-ilma Ħaj nitwieldu aħna u nagħtu l-Ħajja lil dawk ta’ madwarna!

Ġesù  qal; “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.  U min jemmen fija minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj”

Liema area tal-ħajja tiegħek għandha bżonn tindaf, li tinħasel b’dan l-ilma ħaj li joffri l-iSpirtu Qaddis?

It-Tielet Riflessjoni: Spirtu S-Santu bħala Avukat jew Difensur

“U jiena nitlob lill-Missier u Hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem,
l-Ispirtu tal-verità li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu.
Iżda intom tagħrfuh għaliex jgħammar magħkom, u Huwa fikom”
(Ġwanni 14, 15-16)

Fil-vanġelu ta’ San Ġwann Ġesu stess jirreferi għall-Ispirtu s-Santu bħala difensur, bil-Grieg – Parakletos, li tfisser avukat: dak li jinterċedi, u konsulatur: dak li jagħti l-faraġ.  Permezz tas-Sagrament tal-Magħmudija, fejn nirċievu l-identità tagħna bħala ulied Alla, l-Ispirtu s-Santu jiġi jgħammar fina u jibqa’ jixhed għalina tul ħajjitna kollha. Imma biex jibqa’ jaħdem fina l-Ispirtu hemm bżonn li ninfetħu għalih u nħalluh jifforma u jġedded il-kuxjenza tagħna biex inkomplu ninbnew f’persuni iżjed sħaħ li jgħixu ta’ ulied Alla.

Bħala difensur tagħna l-Ispirtu s-Santu ma jaqtax qalbu minna u jkompli jixhed għalina sal-aħħar quddiem Alla, l-Imħallef ġust. Alla jaf li waħedna ma nistgħux niġġieldu l-forza tal-ħażen li hemm ġo fina u għalhekk bagħtilna l-Ispirtu s-Santu biex bħal ma jgħid Sant Irinew, “jinterċedi u jidħol għalina kontra l-akkużatur (jiġifieri x-xitan) bħala d-difensur biex fejn ikollna l-akkużatur ikollna wkoll id-difensur”.

Ħajja fl-Ispirtu ssarraf f’ħajja mgħixa fil-verità u fl-interjorità, fejn wieħed jgħarbel u jagħraf lilu nnifsu. L-Ispirtu s-Santu jgħinna naraw lilna nfusna kif verament aħna, bis-sabiħ u bl-ikrah tagħna u bid-dgħjufijiet  kollha tagħna. Imma ma jiqafx hemm. Huwa jagħtina l-qawwa negħlbu l-ħażen ta’ ġo fina u jkompli jsaħħaħ ir-rieda tagħna sabiex nipperseveraw fil-mixja tagħna, ngħixu l-ħajja fid-dawl tal-kelma ta’ Alla u b’kuraġġ noħorġu nxandruh bil-kliem u bl-għemil.

Meta nkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli bħal ma aħna għaddejjin bħalissa minħabba l-pandemija, ejjew ma naqtgħux qalbna għax l-Ispirtu s-Santu qiegħed magħna u meta nsibuha iebsa biex nitolbu minħabba t-toqol tal-ħajja, kif jgħidilna San Pawl fl-Ittra lir-Rumani, “l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bit-tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem”. Bħala difensur tagħna se jibqa’ jiddefendina u jfarraġna fit-taħbit tagħna biex aħna li nkunu rċevejna mingħandu dal-faraġ inkunu nistgħu aħna stess infarrġu lil dawk li jinsabu f’ kull xorta ta’ hemm.

Int qed tinfetaħ għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu f’ħajtek?

Temmen verament li l-Ispirtu s-Santu qed jidħol għalik quddiem il-Missier jew ġieli teħel mat-toqol tal-iżbalji li għamilt fil-passat?