O Salib ta’ Kristu, simbolu ta’ l-imħabba divina u tal-inġustizzja umana, ikona tal-ogħla sagrifiċċju għall-imħabba tagħna u tal-ikbar egoiżmu frott il-bluha, strument ta’ mewt u triq tal-qawmien, sinjal tal-ubbidjenza u emblema tat-tradiment, patibolu tal-persekuzzjoni u stendard tar-rebħa.
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fl-uċuh tat-tfal, tan-nisa u tal-persuni, imxejna u mbeżżgħin, li jaħarbu mill-gwerer u mill-vjolenza u spiss ma’ wiċċhom isibu biss il-mewt u tant Pilati b’idejhom maħsula.
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-ministri infidili li flok jinżgħu mill-ambizzjonijiet tagħhom ta’ din id-dinja, ineżżgħu saħansitra lill-innoċenti mid-dinjità tagħhom.
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-qlub iebsa ta’ dawk li mill-kumdità ta’ darhom jiġġudikaw lill-oħrajn, qlub li lesti biex jikkundannawhom saħansitra għat-tħaġġir, bla qatt jintebħu bid-dnubiet u l-ħtijiet tagħhom stess.
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-qerrieda tad-“dar komuni” tagħna li b’egoiżmu qed jirvinaw il-futur tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fl-anzjani abbandunati mill-istess qraba tagħhom, fil-persuni b’diżabbiltà u fit-tfal bil-ġuħ u mormija mis-soċjetà egoista u ipokrita tagħna.
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-Mediterran tagħna u fil-Baħar Eġew li saru ċimiterju bla qiegħ, xbieha tal-kuxjenza insensibbli u rieqda tagħna.
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-ministri fidili u umli li jdawlu d-dalma ta’ ħajjitna b’xemgħat li minn jeddhom u b’xejn jikkunsmaw biex idawlu l-ħajja ta’ l-iċken fost iċ-ċkejknin.
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk f’dawk li juru l-ħniena għax isibu fil-ħniena l-ogħla espressjoni tal-ġustizzja u tal-fidi.
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fin-niedma li, mill-qiegħ nett tal-miżerja ta’ dnubiethom, jafu jgħajtu: Mulej, ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek!
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-familji li jgħixu b’fedeltà u b’ħajja għammiela l-vokazzjoni tagħhom għaż-żwieġ.
O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-voluntiera li b’ġenerożità kbira jaqbżu għal min hu fil-bżonn jew safa milqut minn xi traġedja.
O Salib ta’ Kristu, għallimna li ż-żerniq tax-xemx hu aqwa mid-dalma tal-lejl. O Salib ta’ Kristu, għallimna li dik li bħalissa tidher bħala r-rebħa tal-ħażen sa tiġi fix-xejn quddiem il-qabar vojt u quddiem iċ-ċertezza tal-Qawmien u tal-imħabba ta’ Alla li xejn ma jista’ jegħleb jew idallam jew idgħajjef.
Jekk tal-ħtijiet tagħti kas
Mulej min jista’ jżomm sħiħ? x2
Minn qiegħ l-art insejjaħlek Mulej,
Mulej isma’ l-leħen tiegħi.
Ħa jkunu widnejk miftuħa
jien u nitolbok bil-ħniena.
Jekk tal-ħtijiet tagħti kas …
Imma għandek hemm il-maħfra
Biex hekk inqimuk għal dejjem.
Jien lill-Mulej nistenna,
Ruħi f’kelmtu tittama.
Jekk tal-ħtijiet tagħti kas …
Tistenna ruħi ’l Sidi
Aktar mill-għassiesa s-sebħ.
Aktar mill-għassiesa s-sebħ
Jistenna Iżrael lil Alla.
Jekk tal-ħtijiet tagħti kas …
Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba
Il-maħfra għandu bil-kotra.
Hu jifdi lil Iżrael
Minn ħtijietu kollha.
Jekk tal-ħtijiet tagħti kas …
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 17-30)
Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi Golgota. Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud.” Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu: “Ma kienx imissek tikteb, ‘Is-sultan tal-Lhud,’ imma li ‘Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud.’ ” Pilatu wieġeb: “Issa li ktibt ktibt!”
Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha.” Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid,
‘Ħwejġi qasmu bejniethom,
u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti.’
U dan tabilħaqq għamluh is-suldati. Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Mbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!” Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba ta’ l-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!” Mbagħad mejjel rasu u radd ruħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Mulej u Mgħallem tagħna, li minħabba fina obdejt sal-mewt: għallimna nobdu u nagħmlu dejjem ir-rieda tal-Missier. Ħenn għalina, Mulej.
Int, il-ħajja tagħna, li bil-mewt tiegħek fuq is-salib qridt is-setgħa tad-dlamijiet u l-mewt: seħibna fil-mewt tiegħek, biex miegħek ukoll inqumu għall-ħajja glorjuża. Ħenn għalina, Mulej.
Sultan tagħna, li għalina ħallejt lill-bnedmin iżebilħuk u jitfgħuk taħt riġlejhom:għallimna nkunu umli bħalek għas-salvazzjoni tagħna. Ħenn għalina, Mulej.
Int, is-saħħa tagħna, li tajt ħajtek għall-aħwa għeżież tiegħek: agħtina l-grazzja li nħobbu lil xulxin kif ħabbejtna int. Ħenn għalina, Mulej.
Salvatur tagħna, li ftaħt idejk fuq is-salib u ġbidt lejk il-bnedmin kollha: iġma’ l-ulied imxerrda kollha ta’ Alla fis-saltna tiegħek tas-salvazzjoni. Ħenn għalina, Mulej.
O Alla,
Inti li permezz tal-mewt ta’ ibnek Ġesu ħabbibt lid-dinja miegħek u tajt lill-bniedem il-grazzja tar-redenzjoni, għamel li permezz tas-slaleb ta’ ħajjitna ngħarfu nixbħu aktar lilek u nagħtu ħajjitna b’imħabba għal oħrajn.
Bi Kristu Sidna.
Ammen.