Għid il-Ħamsin

Riflessjoni fuq il-Liturġija tal-ġurnata

Talba ta' Introduzzjoni

Mulej Ġesu’,

inti li wegħdt lill-Knisja tiegħek li mhux ser tħalliha orfni, imma ser tqawwiha bil-qawwa ta l-istess Spirtu tiegħek. Qawwi lilna miġbura madwar il-Kelma tiegħek, sabiex illum ukoll, il-Knisja tiegħek tegħleb il-ħitan tal-biża’ u mimlija bil-fidi, ixxandrek kullimkien.

Bi Kristu Sidna.

Ammen.

Salm 103

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded wiċċ il-art

Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
kotran għemilek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. R/.

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Tibgħat in-nifs tiegħek, u jinħolqu,
u inti ġġedded wiċċ il-art. R/.

Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemilu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. R/.

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 20, 19-23)

Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

Ieqaf ftit ma dan it-test...
  1. L-appostli kienu msakkrinu mbeżżgħin meta ġie Ġesù f’nofshom. Bħalhom aħna ninsabu msakkrin fi djarna. U Ġesù wkoll jista’ jidħol fostna u jtina l-paċi tiegħu. Aħna konxji tal-preżenza ta’ Ġesù fi djarna?
  2. Kemm nemmen li l-Ispirtu s-Santu kapaċi joħroġ l-ilma mill-blat ta’ ħajti? U kemm qed nafda fil-kobor u l-qawwa ta’ dan l-Ispirtu?
  3. L-Ispirtu s-Santu ġab trasformazzjoni kbira fl-appostli. Lil dawn l-irġiel ġifa u beżżiegħa, tahom il-qawwa biex jippritkaw u jxandru l-evanġelju. U lili, x’differenza qiegħed jagħmel l-Ispirtu s-Santu f’ħajti?
  4. Qiegħed inħalli l-Ispirtu s-Santu jmexxini fid-diffikultajiet ta’ ħajti? Qiegħda nitlob l-għerf tal-Ispirtu s-Santu biex nagħraf nimxi fit-triq tal-evanġelju?
  5. Bħalma qal il-Papa Franġisku, l-Ispirtu s-Santu ma jneħħixil-ħażen  u l-problemi minn ħajti qisu b’xi qawwa  maġika, imma jimlini b’kuraġġ ,qawwa u għarfien li jien iben/bint Alla, u li Alla jħobbna kif jien.  Jimlini bil-ferħ dan l-għarfien?
  6. L-Ispirtu s-Santu jista’ jbiddel lili bħalma biddel lill-appostli. Nemmnu dan? X’inhu dak li jżommni milli nagħraf li dak li ġara fl-Appostlijista’  jiġri fija wkoll?

Riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħadd

Talbiet ta' Interċessjoni

  1. Mulej, int li infaħt l-Ispirtu Qaddis fuq l-appostli u bgħatthom ixandruk, imla lilna wkoll bil-Qawwa tiegħek, biex inkunu xhieda tiegħek kull fejn inkunu. Nitolbu.
  2. Mulej Ġesu, int ippenetrajt is-swar li bnew l-appostli madwarhom u tajthom il-paċi tiegħek. Nitolbuk biex tagħmel l-istess magħna, u xxejjen il-biżgħat tagħna, filwaqt li issawwab fuqna l-Ispirtu u il-paċi tiegħek. Nitolbu.
  3. L-appostli kienu flimkien f’post wieħed, u allura f’għaqda waħda. Nitolbuk Mulej għal l-għaqda bejn l-lnsara kollha, biex inkunu ħaġa waħda kif int ħaġa waħda mal-missier. Nitolbu.
  4. Filwaqt li qegħdin niċċelebraw it-twaqqif tal-Knisja, nitolbuk Mulej, biex tieqaf magħna u iġġeddidna bil-qawwa ta’ l-Ispirtu Santu, biex ma nintelqux imma nkunu mġedda u mħeġġa bħal l-ewwel insara. Nitolbu.
  5. Mulej Ġesu’, agħmel li aħna ngħarfu id-doni li imliena bihom l-Ispirtu biex bihom intuk glorja, u nkunu ta’ xhieda għalik. Nitolbu.

Regina Cœli

Regina cœli, lætare! Alleluia
Quia quem meruisti portare, Alleluia
Resurrexit sicut dixit, Alleluia.
Ora pro nobis Deum, Alleluia.

Sultana tas-sema, ifraħ! Alleluia.
Għax dak li stħaqqlek tkun ommu, Alleluia.
Qam minn l-imwiet,
Kif kien qal, Alleluia.
Itlob ‘l Alla għalina, Alleluia.