Il-Ġimgħa il-Kbira

Matul dil-ġimgħa hekk importanti għan-Nisrani, u fl-assenza ta’ ċelebrazzjonijiet fiżiċi ser nkunu qed nipprovdu din il-Liturgija Domestika bħala podcast, li tista’ tismagħha waqt li qiegħed tirrifletti waħdek jew m’oħrajn. Hawn taħt tistgħu wkoll issibu xi materjal anċillari li jista’ jghinek fir-riflessjoni.

Agħfas play biex issegwi. Biex tniżżel (download) dan il-podcast fuq il-computer, agħfas hawn.

Antifona

Ħenn għalina O Mulej.

O Kristu inti kont ikkundanat * għall-mewt tas-salib
Batejt u soffrejt b’libertà * għall-imħabba tagħna.

O Kristu inti soffrejt * barra mill-belt ta’ Ġerusalem.
Ġejt imsallab mill-ħżiena * f’nofs il-midinbin.

O Kristu gejt ikkundanat * u kont magħdud mal-ħżiena
Sirt dnub għalina * biex nirċievu l-maħfra tad-dnubiet.

O Kristu fuq is-salib * ġejt insultat u ittentat
Ma nżiltx mis-salib * ma salvajtx lilek innifsek.

O Kristu inti l-magħżul ta’ Alla * is-sultan ta’ Isreal
Salvana int * għax fik biss hi it-tama tagħna.

Kantiku

Ma fih ebda sura,
Ma fih ebda ġmiel
Li jiġbed il-ħars tagħna,
Lanqas bixra li tista’ togħġobna.
Immaqdar, imwarrab mill-bnedmin,
Raġel tal-uġigħ,
Hu li ġarrab kull moħqrija.

Quddiemu wieħed jgħatti wiċċu.
Quddiemu wieħed jgħatti wiċċu.
Quddiemu wieħed jgħatti wiċċu.
Quddiemu wieħed jgħatti wiċċu.

Imkażbar, bla xejn mhu meqjus,
Immaqdar, imwarrab mill-bnedmin,
Raġel tal-uġigħ,
Hu ġarrab kull moħqrija.

Quddiemu wieħed … (x4)

Iżda kien hu li
Ħa fuqu d-dnubiet kollha,
Iżda kien hu li ħa fuqu l-uġigħ kollu.

Aħna lkoll konna mexjin
Fit-triq imqarrqa.
Imkażbar,
Iżda huwa qagħad għal kollox,
Ma fetaħx fommu
Bħal ħaruf li ġie meħud għall-qatla.

Quddiemu wieħed … (x4)

Imkażbar! Imkażbar! Imkażbar!

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 18, 1 – 19, 42)

 

U huma ħadu lil Ġesù. Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi Golgota. Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud.” Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu: “Ma kienx imissek tikteb, ‘Is-sultan tal-Lhud,’ imma li ‘Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud.’ ” Pilatu wieġeb: “Issa li ktibt ktibt!”

Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha.” Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid,

“Ħwejġi qasmu bejniethom,
u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti.”

U dan tabilħaqq għamluh is-suldati. Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!” Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!” Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.

Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu