Ħadd il-Palm

Matul dil-ġimgħa hekk importanti għan-Nisrani, u fl-assenza ta’ ċelebrazzjonijiet fiżiċi ser nkunu qed nipprovdu din il-Liturgija Domestika bħala podcast, li tista’ tismagħha waqt li qiegħed tirrifletti waħdek jew m’oħrajn. Hawn taħt tistgħu wkoll issibu xi materjal anċillari li jista’ jghinek fir-riflessjoni.

Agħfas play biex issegwi. Biex tniżżel (download) dan il-podcast fuq il-computer, agħfas hawn.

Riflessjoni fuq il-Liturġija tal-ġurnata

Salm 122

Fraħt meta qaluli
“Sejrin f’dar il-Mulej”.
Diġa qegħdin riġlejna
Fi bwieb Ġerusalemm!

Ġerusalemm mibnija ħaġa waħda.
Ġerusalemm,
Il-belt ta’ mingħajr hemm.
Ġerusalemm, f’ħajti hu l-Mulej.
Ġerusalemm, Ġerusalemm.

Lejha t-tribù jitilgħu,
It-tribujiet tal-Mulej,
Biex skont liġi f’Iżrael
Ifaħħru lill-Feddej.

Ġerusalemm mibnija …

Għaliex għandek twaqqfu
It-tronijiet tal-ħaqq.
Għaliex għandek jgħammar
Sidi s-Sultan.

Ġerusalemm mibnija …

Itolbu għas-sliem ta’ Ġerusalemm.
Ħa jkollhom ħafna paċi
Dawk li jgħammru hemm.

Ġerusalemm mibnija …

Minħabba ħuti u ħbiebi
Ngħidlek sliem għalik.
Minħabba fid-dar ta’ Alla
Nixtieqlek ħafna ġid.

Ġerusalemm mibnija …

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Mark (Mk 11:1-10)

Xħin waslu qrib Ġerusalemm, quddiem Betfaġe u Betanja, ħdejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru fir-raħal li hemm biswitkom, u kif taslu hemmhekk issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: ‘Dan kif qegħdin tagħmluh?’, għidulu: ‘Il-Mulej jeħtieġu, u malajr jerġa’ jibagħtu hawn’”.

Marru, u sabu felu marbut ħdejn bieb barra fit-triq; u ħallewh. Xi wħud minn dawk li kienu hemm qalulhom: “X’intom tħolluh tagħmlu dak il-felu?”. Huma weġbuhom kif kien qalilhom Ġesù, u dawk ħallewhom jagħmlu.

Ħadu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u Ġesù rikeb fuqu. U bosta nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u oħrajn xi friegħi ħodor li kienu qatgħu mill-għelieqi. U kemm dawk li kienu miexja quddiem u kemm dawk li kienu miexja wara, bdew jgħajtu: “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna. Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu