Ħadd il-Palm

Riflessjoni fuq il-Liturġija tal-ġurnata

Talba ta' Introduzzjoni

O Alla,

kattar fina il-fidi tagħna, li nittamaw fik. Fil-ħniena tiegħek ilqa’ t-talb li ser nagħmlulek biex, kif in-nies ta’ Ġerusalemm laqgħuk bil-friegħi f’idejhom, aħna wkoll nilqgħuk bil-ferħ f’ħajjitna permezz tal-għemejjel tajba ta’ idejna.

Ammen.

Salm 62

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

F’Alla biss hu l-mistrieħ tar-ruħ tiegħi
Minn għandu tiġini s-salvazzjoni.
Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,
Hu l-kenn tiegħi; ma jċaqlaqni xejn

Kemm se ddumu teħduha kontra wieħed,
Biex imbagħad taqilbuh ikoll flimkien,
Iħobbu l-gideb; b’fommhom iberkuh,
Imma f’qalbhom kollha jistħuħ

F’Alla biss hu l-mistrieħ tar-ruħ tiegħi …

Ittama fih f’kull żmien, O poplu iftħu qalbkom
Għax Alla hu kenn għalina!
Duħħan biss huwa l-bniedem
Gidba wlied il-bnedmin
Fil-miżien ’l fuq jogħlew
Eħfef mid-duħħan flimkien.

F’Alla biss hu l-mistrieħ tar-ruħ tiegħi …

Isserħux raskom bis-serq o poplu,
Tittamawx fi ħwejjeġ maħtufa;
Mqar jekk joktor l-għana
La torbtux qalbkom miegħu.
Għax il-qawwa hi ta’ Alla
U ta’ Sidi hi t-tjieba.

F’Alla biss hu l-mistrieħ tar-ruħ tiegħi …

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe lejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli u qalilhom: “Aslu sar-raħal biswitkom; u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. Jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, weġbuh: “Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa’ jibgħathom lura””.

Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal: “Għidu lil bint Sijon: “Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija””.

Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesù; ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom.

Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq. Il-folol li kienu miexja quddiem u dawk li kienu miexja wara bdew jgħajtu u jgħidu: “Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”

Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet u n-nies bdew jgħidu: “Dan min hu?” U l-folol weġbuhom: “Dan hu l-profeta Ġesù minn Nażaret tal-Galilija”.

 

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

Ieqaf ftit ma dan it-test...
  1. Il-Mulej Ġesu’ jidħol fil-belt ta’ Ġerusalemm riekeb ħmar ordinarju. B’liema mod il-Mulej jinqeda bl-ordinarjeta’ tal-ħajja tiegħi?
  2. Osanna: Imbierek min ġej f’isem il-Mulej. Liema kienu il-mumenti fil-ħajja adulta tieħi fejn l-Ispirtu ta’ Alla qajjem fija il-kuraġġ li nilqa’ lill-Mulej bil-ferħ?
  3. In-nies tal-belt isaqsu il-mistoqsija “dan min hu?”. Min kont ngħidilhom li hu Ġesu’? Min hu Ġesu’ għalija?
  4. Il-vanġelu jfakkarna li meta nilqgħu lil proxxmu, nilqgħu lil Ġesu. Lil min jixtieqni nilqgħa għandi bil-ferħ l-Mulej? Għal min jeħtieġ li niftaħ il-bibien ta’ qalbi?

Talbiet ta' Interċessjoni

  1. Mulej Missier Qaddis, żomm idejk fuq il-Papa Franġisku u fuq il-Knisja tiegħek fid-dinja u f’Malta, f’dan iż-żmien, fejn l-Osanna tal-poplu mhux qed tinstema’, imma minflok qed jidwi silenzju li jtarrax. Nitolbu.
  2. Nitlobu għal kull min għandu xi setgħa u poter, biex timlih bl-għerf qaddis tiegħek. Għinhom Mulej, biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin li jkunu ta’ ġid għal poplu kollu. Nitolbu.
  3. Mulej kun magħna f’dan iż-żmien diffiċli u għatina l-qawwa tiegħek, biex b’umilta’ inkomplu nimxu fuq il-passi tiegħek, u niftakru, li Inti qatt ma tinsina jew titlaqna weħidna, imma nħossu l-preżenza tiegħek madwarna. Nitolbu.
  4. Nitolbu għal kull min qiegħed ibati; għall-morda, għall-familji, għal kull min qed iħossu bla tama u bla kuraġġ. Għallimna Mulej li l-qawwa tiġi mit-talb u minn għażliet ta’ ħajja li jaqblu mar-rieda u mal-Kelma tiegħek. Nitolbu.
  5. Mulej Int għamilt sagrifiċċju kbir għalina, nitolbuk idħol għalina biex nibqgħu sħaħ fil-fidi tagħna fik u tgħinna f’dan iż-żmien li qed ngħixu bħalissa, mifrudin minn xulxin. Kun Inti dak li tgħaqqdna permezz ta’ l-Imħabba tiegħek. Nitolbu.
  6. Mulej isma’ l-Osanna ta’ kull wieħed u waħda minna mid-djar tagħna. Int taf x’għandna f’qalbna u f’ħajjitna. Kompli berikna u ħu ħsiebna għax Inti s-Salvatur tagħna. Nitolbu.

Talba tal-Għeluq

O Alla,

inti qiegħed tagħtina il-grazzja li, għal darb’ oħra, nieħdu sehem sħih fil-Ġimgħa l-aktar qaddisa tas-sena. Għatina li niċċelebraw bil-qalb il-mod tal-għaġeb li bih għazilt li ssalva lil kull bniedem, sabiex flimkien ma ibnek Ġesu’ aħna wkoll nqumu għal ħajja ġdida li ma tintemmx.

Ammen.

3 Responses
  1. Josette Piscopo

    Thank you for leading us in a somewhat different way this Holy Week.

    Mayb God bless you all with health during this difficult period.

  2. Fabrizia Azzopardi

    Thank you for providing us with guidance during this Holy Week. We appreciate and truly feel part of a greater community.

Leave a Reply