Is-Solennità tal-Għid il-Kbir

Matul dil-ġimgħa hekk importanti għan-Nisrani, u fl-assenza ta’ ċelebrazzjonijiet fiżiċi ser nkunu qed nipprovdu din il-Liturgija Domestika bħala podcast, li tista’ tismagħha waqt li qiegħed tirrifletti waħdek jew m’oħrajn. Hawn taħt tistgħu wkoll issibu xi materjal anċillari li jista’ jghinek fir-riflessjoni.

Agħfas play biex issegwi. Biex tniżżel (download) dan il-podcast fuq il-computer, agħfas hawn.

Antifona

Glorja lilek Re tal-glorja.

Maż-żernieq tal-ewwel * jum in-nisa marru jfittxu fil-qabar,
Il-qabar vojt * u inti mqajjem.

Pietru u d-dixxiplu l-maħbub * marru jiġru f’din Il-għodwa,
Il-qabar vojt * u inti ħaj.

Marija ta’ Magdala * tfittex u tibki,
Il-qabar vojt * u inti sejjaħtilha b’isimha.

Id-dixxipli mimlijin biża’ * bil-bibien magħluqa,
Il-qabar vojt * u inti f’nofshom.

Aħna smajna bil-ferħ * it-taħbira tal-Għid,
Il-qabar vojt u inti f’nofshom.

Lilkom ilkoll li ċċelebrajtu * l-qawmien ta’ Kristu,
Jitfa’ fuqkom * id-dija ta’ wiċċu.

Kantiku (Eżodu 15)

Ħa ngħannu lill-Mulej,
Alleluia, alleluia.
Ta’ kollox huwa s-sid,
Alleluia, alleluia.

Infaħħruh u ngħolluh
Fl-għola tas-smewwiet. x2

Ħa ngħannu lill-Mulej,
Alleluia, alleluia.
Ta’ kollox hu l-ħallieq,
Alleluia, alleluia.

Infaħħruh u ngħolluh
Fl-għola tas-smewwiet x2

Ngħannilu jiena rrid,
Alleluia, alleluia.
Kull għodwa u kull ħin,
Alleluia, alleluia.

Infaħħruh u ngħolluh
Fl-għola tas-smewwiet x2

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 20:1-18)

 

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!” Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. Imbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom.

Iżda Marija baqgħet ’il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet lejn il-qabar, u rat żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta’ Ġesù. Huma qalulha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?” Hi wieġbet: “Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh.” Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù. Ġesù qalilha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?” Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: “Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura.” Ġesù sejħilha: “Marjam!” Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: ‘Rabbuni!’ jiġifieri Mgħallem. Ġesù qalilha: “La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.” Marija ta’ Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar: “Rajt lill-Mulej”, u qaltilhom x’qalilha.

il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Tħabbira tal-Għid

Minn omelija ta’ San Ġwann Kriżostmu

Kull min hu ġust u ħabib tal-Mulej, ħa jgawdi din is-solennita’ kollha sbuħija u kollha dawl; ħa jidħol ferħan il-qaddej ġust u għaqli fl-hena tal-Mulej.
Dak li tħabat fis-sawm, ħa jgawdi issa mill-ġid.
Dak li ħadem sa mill-ewwel siegħa, ħa jircievi il-ħlas li ħaqqu.
Minn wasal fit-tielet siegħa, ħa jiccelebra b’ferħ ta’ festa.
Min wasal fis-sitt siegħa, m’għandux jiddubita għaliex m’hemm l-ebda ħsara lesta għalih.
Min wasal tard fid-disa siegħa, ħa jersaq mingħajr biża.
Dak li wasal fil-ħdax il-siegħa, m’għandux jitwerwer għax kien kajman: ir-Re tagħna huwa ġeneruż u jilqa lil tal-aħħar bħal dak tal-ewwel.
Lil dak ta’ l-aħħar jurih il-ħniena, lil ta’ l-ewwel iżewwqu bil-ġieħ.
Jagħti lil wieħed u juri tjubija mal-ieħor. Jilqa l-opri tajba u togħġbu rieda tal-ġust.

Idħlu mela fl-hena tal-Mulej tagħkom: l-ewwel u t-tieni, stagħnew fl-abbundanza tiegħu. Għonja u foqra, iżfnu flimkien.
Intom li somtu u dawk fostkom li ma somtux, illum ifirħu.
Il-mejda hija mħejjija, duru magħha u kulu.
Il-ħaruf huwa abbundanti, ħadd mhu ser imur lura bil-ġuħ.
Togħqodux lura minn din l-ikla tal-fidi, gawdu mill-għana ta’ din it-tjubija.

Ħadd m’għandu jkun fl-għomor minħabba l-miżerja tiegħu, għaliex ġiet rrivelata lilna s-Saltna.
Ħadd m’għandu jibki xortiħ minħabba dnubietu, għaliex il-maħfra tagħna ħarġet mill-qabar.
Ħadd m’għandu jibża mill-Mewt, għaliex il-Mewt tas-Salvatur ħelsitna.
Meta l-Mewt ippruvat toħonqu, huwa ġaba fix-xejn.
Dak li niżel fil-qigħan tal-art neżża lill-Mewt.
Huwa sewwed qalb ‘l Mewt, wara li din ħakmet lil ġismu.
Kif ħabbar Iżaija meta għajjat b’leħen għoli: il-Mewt ġiet mirbuħa meta ltaqgħet miegħek fil-qigħan tal-art.

Ġiet mirbuħa – għaliex megħluba.
Ġiet mirbuħa – għaliex imqarrqa.
Ġiet mirbuħa – għaliex maqtula.
Ġiet mirbuħa – għaliex meqruda.
Ġiet mirbuħa – għaliex marbuta fil-ktajjen.

Il-Mewt ħakmet il-ġisem, u sabet li kien il-ġisem ta’ Alla nnifsu.
Il-Mewt ħakmet l-art, u iltaqgħet mas-sema.
Hija ħakmet lil dak li rat, u waqgħet quddiem dak li kien moħbi.
Fejn hi o Mewt in-niggieża tiegħek?
Fejn hi o Mewt ir-rebħa tiegħek?
Krist qam mill-imwiet u inti sfaxxajt fix-xejn.
Kristu qam mill-imwiet – u l-ispirti ħżiena waqaw.
Kristu qam mill-imwiet – u l-anġli jifirħu.
Kristu qam mill-imwiet – u l-Ħajja issa taħkem.
Kristu qam mill-imwiet – u fl-għoqbra m’hemmx iżjed mejtin.
Għaliex Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu.
Lilu l-glorja u l-qawwa għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.