Alla Missier,
Fl-imħabba kbira tiegħek inti mhux biss ħlaqt lill-Bniedem imma ntrabatt miegħu b’rabta ta’ mħabba, u sa mill-qedem fittixt li tkun viċin tiegħu. Fil-misteru tal-inkarnazzjoni, ibnek Ġesu sar bniedem bħalna sabiex il-bniedem seta’ jagħraf lilek aktar min qatt qabel. Permezz tal-Ewkaristija inti ridt li l-preżenza tiegħu mal-bniedem tibqa’ għal dejjem. Għamel li nagħrfu fih il-kliem tal-ħajja u il-ħobz tas-sema.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.
Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej
ħa ngħajtu lill-blata tas-salvazzjoni tagħna
Nersqu quddiemu ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.
Għax Alla Hu kbir, Sultan fuq l-allat kollha
F’idejh hija l-art u l-qċaċet tal-għoljiet
Tiegħu l-baħar għax hu kien li għamlu
Tiegħu l-art għax b’idejh saret.
Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej …
Ejjew nqimuh u ninxteħtu quddiemu
Għarkubtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna
Għaliex hu Alla tagħna u aħna l-poplu tiegħu
Għaliex hu Alla tagħna u aħna n-nagħaġ tiegħu.
Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej …
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu
La twebbsux il-qlub tagħkom bħal f’Meribah u f’Massah
Meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom
Għalkemm raw dak li jien għamilt.
Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej …
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel
U jien għidt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu’,
Għalhekk ħlift fil-għadab tiegħi
ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi.
Ejjew ħa nfaħħru bil-hena lill-Mulej …
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 6, 51-58)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”. Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.
Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Mulej Ġesu,
Fis-sagrament tal-Ewkaristija inti tajt lil bniedem il-possibilta’ li jirċevik fir-ruħ u fil-ġisem. Għamel li kulljum tikber fina x-xewqa li nittwaħdu miegħek dejjem aktar, sa ma jasal il-jum li ningħaqdu miegħek għal-dejjem.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.