Missier Qaddis,
ħares nitolbuk lejn il-qlalb tagħna li kontinwament tfittxek, u tħallihiex titħawwad u tintilef fit-taħbit tagħha. Għamel nitolbuk, li permezz tal-grazzja tal-Ispirtu tiegħek, tiltaqa’ ma’ Ibnek Ġesu’, u ssib fih it-triq li twassal għal għandek. Bi Kristu Sidna.
Ammen.
Alla sar is-salvazzjoni tiegħi,
Jiena nittama u ma nibżax.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
Għalija Alla hu l-ħelsien.
Inroddlok ħajr Mulej, għaliex għadabt għalija
Imma erġajt lura u farraġtni.
Kollna ferħana nimlew l-ilma mill-għejun,
Mill-għejun tas-salvazzjoni.
Alla sar is-salvazzjoni tiegħi …
Inroddu ħajr lill-Mulej,
Insejħu ismu u nfaħħruh,
Ngħarrfu lill-ġnus bl-għemejjel kollha tal-Mulej,
Inxandru li Ismu hu fl-għoli.
Alla sar is-salvazzjoni tiegħi …
Għannu ’l-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
Ħa jkun magħruf dan ma’ l-art kollha.
Jekk tgħammar f’Sijon aqbeż u għanni bil-ferħ,
Għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis, ta’ Iżrael.
Alla sar is-salvazzjoni tiegħi …
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 14, 1-12)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?”. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.
Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġa’ rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.
Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Ġesu` lill-appostli qalilhom: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla u emmnu fija wkoll.” Kun magħna Mulej fis-siegħa tal-prova bħal ma kont mad-dixxipli tiegħek meta kienu jinsabu mħawdin, ħalli aħna wkoll meta naqtgħu qalbna ma niddajfux fil-fidi tagħna. Nitolbu.
Ġesu` jgħidilna “Jien hu t-triq, il-verita` u l-Ħajja”. Kun it-triq tagħna fil-mixja ta’ ħajjitna Mulej ħalli meta niżvijaw tkun int li treġġgħana lura għand Alla l-missier. Nitolbu.
Il-Mulej lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “Il-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.” Ibgħatilna l-Ispirtu qaddis tiegħek Mulej, ħalli jkollna qalb tixbah lil tiegħek u aħna wkoll nagħmlu l-opri t’Alla l-missier biex ningħarfu li aħna wliedek. Nitolbu.
“Ħadd ma jmur għand il-missier jekk mhux permezz tiegħi,” jgħidilna l-Mulej. Uri lilek innifsek lilna Mulej bl-istorja ta’ ħajjitna ħalli aħna wkoll nagħrfuk u nwassluk għand ħutna l-bnedmin bil-kelma u bl-għemil. Nitolbu.