Il-Ħames Ħadd tar-Randan

Talba ta' Introduzzjoni

Mulej Ġesu,

Inti berikt lill-familja ta’ Betanja bil-ħbiberija tiegħek; dħalt għandha u għamilt tiegħek l-istorja tagħha. Hija il-Kelma tiegħek li lilna illum tħabbibna miegħek u tressaqna lejk. Nitolbuk tidħol fil-familji tagħna sabiex fil-qsim tal-Kelma nagħrfu il-preżenza tiegħek fostna. Għamel li nagħrfu li inti ħabib viċin, li tibki magħna kull demgħa tagħna.

Ammen.

Salm 22

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Eli, Eli, lama sabachtani.
Eli, Eli, lama sabachtani.

Il-għala tinsab daqshekk ’l bogħod?
Ma tridx tisma’ l-għajta ta’ qalbi?
Billejl u bi nhar, ngħajjat bl-uġigħ,
Għaliex abbandunajtni?

Eli, Eli, lama sabachtani …

Iżda inti Alla veru Qaddis
Lejk ġrew missirijieti.
Int smajthom meta għandek ġew,
Lilek għajtu u inti ħlisthom.

Eli, Eli, lama sabachtani …

Dudu ta’ l-art, bniedem ma għadnix,
Lama Sabachtani.
Idejja u riġlejja nifduli t-tnejn,
Lama Sabachtani.

Eli, Eli, lama sabachtani …

Infittex serħan, ma sibt lil ħadd
Għaliex abbandunajtni?
Is-saħħa tiegħi qiegħda tnin,
Ejja Mulej salvani.

Eli, Eli, lama sabachtani …

Għax inti tħenn
Għal min jinsab fil-qiegħ,
Int qrib lejn min isejjaħlek.
Quddiem ħuti kollha nxandar li
Mill-qabar ħriġtni, O Mulej!

Eli, Eli, lama sabachtani …

Fl-ilma u t-tajn qed negħreq jien,
Lama Sabachtani.
Tawni nixrob, sqewni l-ħall,
Lama Sabachtani.

Eli, Eli, lama sabachtani …

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, 1kien hemm wieħed marid, Lażżru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lażżru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”.

Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”. Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?”. Weġibhom Ġesù: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi bil-lejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl”. Qalilhom hekk u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lażżru rieqed, iżda ħa mmur u nqajmu”.

Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq”. Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad qalilhom ċar u tond: “Lażżru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh”. Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu”.

Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ’l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”. Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.

Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut”. Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?”, staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan ilbniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

Ieqaf ftit ma dan it-test...
  1. Meta Ġesù sema’ li ħabibu Lazzru kien marid, iddeċieda li jerġa’ jmur lura l-Lhudija, anke jekk sħabu d-dixxipli fakkruh li l-Lhud kien għadhom kemm kienu qed ifittxuh biex iħaġġruH.  Kemm inti lest/a titlaq mill-ambjent komdu tiegħek biex tkun tista’ tgħin lill-proxxmu tiegħek?
  2. Marta wriet u ddikjarat li kellha twemmin f’Ġesù, iżda ftit wara bħal bdiet tiddubita.  Kif inhi l-fidi tiegħek?  Meta int fit-tbatija u kollox jibda ġej kontra, tibqa’ temmen li Alla jħobbok?
  3. Xi wħud mil-Lhud preżenti ppretendew li dan l-istess bniedem li fejjaq lir-raġel għama, seta’ wkoll jippermetti li Lazzru ma jmutx.  Kif tħossok int, f’mumenti ta’ inġustizzja soċjali bħall- ġuħ, id-diżgrazzji bħal terremoti u anke fis-sitwazzjoni preżenti tad-dinja?  Tistaqsi għaliex dan Alla  jippermettihom?
  4. Minn taħt l-ilsien Marta qalet lil Marija li Ġesù kien wasal u li kien qed isejħilha.  Kemm tkun lest tagħmel il-vojt biex tisma’ meta jsejjaħlek Alla?
  5. Wara li Ġesù qajjem lil Lazzru mill-mewt, ordna lil dawk preżenti biex iħollulu l-faxex u jħalluh imur.  Liema huma dawk il-faxex li qed iħalluk marbut mal-bniedem il-qadim? Lest li tinħall u toħroġ biex twassal lill-oħrajn il-ħajja differenti ta’ nisrani?

Riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħadd

Talbiet ta' Interċessjoni

  1. Mulej Ġesù, nitolbuk biex inħallu l-biża’ warajna u b’fidi qawwija nitolbuk teħlisna inti mill-oqbra li qegħdin jassruna u jipparalizzawna f’dan il-mument. Nitolbu.
  2. Missier Qaddis, tħarisx lejn il-ħtijiet tagħna, imma lejn ruħna li qed tistenna lilek l-għassies ta’ qlubna, biex tħoll kull faxxa li tbiegħdna minnek. Nitolbu.
  3. Ħa jkunu widnejk miftuħa, Mulej, aħna u nitolbuk bil-ħniena, biex twaqqaf din il-marda li ħakmet id-dinja kollha, u tfarraġ lill min diġà tilef lill-għeżież tiegħu. Nitolbu.
  4. Alla Missier, nitolbuk tibgħat fuqna l-istess Spirtu Qaddis li qajjem lil Ġesù mill-imwiet biex iqajjem fina sens ta umiltà’ u solidarjetà ma’ dawk kollha li qed ibatu. Nitolbu.
  5. Nitolbuk Mulej għall-mexxejja kollha tad-dinja, għall-Papa Franġisku, għall-Isqfijiet u l-Awtoritajiet tas-saħħa biex jieħdu dejjem deċiżjonijiet għaqlin għall-ġid ta’ ruħna u ġisimna. Nitolbu.
  6. Kattar fina l-fidi Mulej, biex anke fi żmien ta’ prova, it-tama tagħna fik ma tintemm qatt. Nitolbu.

Talba tal-Għeluq

Missier qaddis,

Permezz tal-qawmien ta’ Lazzru mill-mewt inti tfakkarna li l-imħabba u l-ħbiberija huma aktar qawwija mil-mewt. Għallimna ngħixu l-imwiet iż-żagħar u il-kbar ta’ ħajjitna fik, sabiex f’ħajjitna wkoll, il-mewt issir manifestazzjoni tal-kobor tal-ħbiberija tiegħek.

Bi Kristu Sidna,

Ammen.

Leave a Reply