Missier Qaddis, f’dan l-aħħar Ħadd tal-Avvent, nitolbuk tgħina nagħmlu l-vojt biex inkunu nistgħu nimtlew bik. Għinna ninfetħu għal dak kollu li tixtieq tgħidilna int ħalli nkunu strumentali għall-miġja tiegħek.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Faħħru lil Mulej għaliex hu tajjeb,
Għax it-tjieba tiegħu għal dejjem.
Ħa jgħid Iżrael:
It-tjieba tiegħu għal dejjem.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Il-leminija tal-Mulej marret minn fuq.
Il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma ngħix,
U nħabbar l-egħmejjel tal-Mulej.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
Saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
Ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Dan hu il-Jum li għamel il-Mulej,
Ħa nifirħu u nithennew fih
Ejja, nitolbuk Mulej salvana
Ejja, nitolbuk agħatina r-risq.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Luqa 1, 26-38)
F’dak iż-żmien, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.
Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”.
Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”. Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.
Imbagħad qalet Marija: “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Marija semgħet is-sejħa t’Alla ċara permezz tal-anġlu Gabriel, waqt li kienet fis-skiet ta’ kamritha. Kultant nibżgħu mis-skiet, il-vojt, u d-dlam ta’ ġo fina, imma hu propju hawnhekk li jaħdem l-Ispirtu tiegħek. Għinna Mulej, biex bħal Marija, nidħlu fis-skiet ta’ qalbna ħalli niltaqgħu u nibqgħu miegħek bla ma nħallu d-distrazzjonijiet ta’ madwarna jtelfuna. Nitolbu.
Mulej Ġesu kun int iċ-ċentru ta’ ħajjitna. Kattrilna l-fidi tagħna sabiex inkunu nistgħu nintelqu f’idejk f’kull ħaġa li titlob minna. Nitolbu.
Missier Qaddis tina l-grazzja li bl-umilta’ bħal Marija nkunu t-tempju ħaj tiegħek biex inwassluk għand l-oħrajn. Nitolbu.
Missier Qaddis, il-preżenza tiegħek f’ħajjitna ġġib magħha l-veru paċi f’qalbna. Ressaq lejk il-qlub ta’ dawk li huma mbegħdin minnek biex huma wkoll iduqu l-esperjenza tal-imħabba tiegħek. Nitolbu.
Missier Qaddis, f’dan iż-żmien tal-Avvent għinna fil-mixja tagħna biex ngħaddu mid-dlam għad-dawl, mill-jien biss għal aħna lkoll. Meta niltaqaw ma xi ħadd, għinna nemmnu li permezz ta’ din il-persuna inti trid tgħidilna xi ħaġa. Fix-xogħol tagħna agħtina fidi f’imħabbtek. Meta tasal it-tbatija għinna nemmnu li inti tħobbna, li inti qiegħed tassew qrib, l-Immanu-el, Alla magħna. Agħtina nitolbuk Missier Qaddis qalb miftuħa li inti tista tgħammar u ssaltan fiha.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.