Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

Talba ta' Introduzzjoni

Mulej Ġesu’,

inti r-ragħaj it-tajjeb u sabiħ, għamel li l-widenejn tagħna ikunu miftuħa biss għal-vuċi tiegħek, u ma jilqgħu għandom l-ebda kelma oħra li ma tidħolx mil-bieb li huwa int.

Bi Kristu Sidna,

Ammen.

Salm 23

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Ġesù hu r-ragħaj tiegħi,
Xejn ma jonqosni.
F’mergħat kollhom ħdura
Jeħodni nistrieħ.
Ħdejn l-ilma tal-ħajja,
Bi kliemu jrejjaqni.
Fis-sewwa jmexxini,
Ibegħedni mill-hemm.

Kull fejn immur, jien nimxi warajh.
Din ħajti rrid nerħi f’idejh.
Ġesù Hu r-ragħaj tiegħi,
Isejjaħ u nwieġbu.
Immur fejn jeħodni, qatt ma nħallih.

Ukoll jekk xi drabi kollox jiddallam,
Ma nibżax mill-ħsara,
Ma nibżax mill-għawġ,
Għax naf li maġenbi
Hemm Kristu jħarisni;
B’imħabbtu jwennisni,
Hawn miegħi kull ħin.

Kull fejn immur…

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 10, 1-10)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.

Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

Ieqaf ftit ma dan it-test...
  1. “Il-Mulej ir-Ragħaj tiegħi” – Jien kemm verament inħalli lil Mulej  imexxini f’ħajti u jdaħħalni mal-merħla tiegħu? Kemm hemm drabi li nħalli dak kollu li jiġri madwari jkaxkarni f’toroq oħra?
  2. “U in-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu.” Jiena nibqa’ f’din il-mixja,  nibqa’ nafda lil Mulej u il-pjan Tiegħu? Nfittex li nirċievi manteniment spiritwali anke fiċ-ċirkostanzi diffiċli bħal ma qed ngħixu f’dan il-mument.
  3. “Hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom”. Kemm inħalli lill-kuxjenza tiegħi tagħraf lil dan il-leħen. Negħleb ix- xkiel li nsib f’ħajti biex nibqa nisma’ lil Mulej jgħajjatli anki meta l-għażliet quddiemi ma jkunx faċli?
  4. Ir-Ragħaj tagħna jafna sew u jiġborna b’imħabba, komfort u għajnuna infinita. Kif inħares lejn dawk ta’ madwari fil-familja, fil-kommunita, fuq il-post tax-xogħol? Kemm noħroġ mill-kumdita tiegħi biex nifhem lil oħrajn u nagħti l-għajnuna u s-sapport b’imħabba u mingħajr ġudizzju?
  5. Fid-dinja tal-llum ir-ragħajja tagħna fil-Knisja jagħtu ħajjithom biex iwasslu lil-Mulej u il-Kelma Tiegħu għandna. Jien bħala lajk jew lajka, kemm napprezza dan u kemm nagħti sehmi? Kemm qed ngħin b’mod konkret u pożittiv biex il-ħidma tagħhom tkompli isseħħ?  Kemm qed niftakar fihom fit-talb tiegħi?

 

Riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħadd

Talbiet ta' Interċessjoni

  1. Għall-Knisja f’Malta biex ir-ragħajja tagħha ikunu dejjem qaddisa u imġedda għal dawn iż-żminijiet fit-tmexxijja tagħhom mal-poplu li Alla fdalhom f’idejhom. Nitolbu.
  2. Nitolbu għall-vokazzjonijiet. Inti stess għidtilna li l-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema huma ftit. Għalhekk nitolbuk Missier ħanin biex tibgħat aktar ħaddiema fl-għalqa tiegħek sabiex il-Kelma tiegħek tasal sa truf l-art. Nitolbu.
  3. Nitolbuk Missier Qaddis għal tant żgħażagħ li qed issejħilhom għall-vokazzjoni saċerdotali u reliġjuza. Imlihom bil-qawwa Tiegħek ħalli jkollhom il-kuraġġ li jwieġbu iva, bil-barka tal-ġenituri tagħhom, għas-sejħa li qed tagħmlilhom int. Nitolbu.
  4. Missier Qaddis agħmel li aħna nkunu konxji tal-ħalliel ta’ ġo fina u b’hekk ma nfittxux biss l-interessi tagħna imma naħsbu ukoll fil-bzonninjiet ta’ dawk ta’ madwarna. Nitolbu.
  5. Nirringrazzjawk Missier Qaddis għaliex inti taf lil kull wieħed minna b’isimna. Nitolbuk tibgħat fuqna il-qawwa tal-Ispirtu tiegħek sabiex jagħtina l-għerf li għandna bżonn biex nimxu warajk fit-triq għas-salvazzjoni tagħna. Nitolbu.