Missier Qaddis,
Nitolbuk tiftaħ il-qalb tagħna sabiex il-Kelma tiegħek issib għamara tajba ġewwa fina. Ibgħat fuqna id-difensur tiegħek sabiex nagħrfu aktar min qabel il-verita’ sħiħa li tinsab biss fik.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.
Għannu ’l-Mulej
Ġnus kollha ta’ l-art.
Bierku u sebbħu Ismu.
Għannu lill-Mulej għanja ġdida.
Għannilu art kollha.
Għannu lill-Mulej,
Bierku lil Ismu.
Għannu lill-Mulej …
Ħabbru minn jum għal jum
Is-salvazzjoni tiegħu.
Xandru fost il-ġnus il-glorja tiegħu,
Fost il-popli l-għeġubijiet tiegħu.
Għannu lill-Mulej …
Jifirħu s-smewwiet u l-art,
Il-baħar b’kull ma fih.
Ir-raba’ jgħajjat bil-ferħ
Quddiem Sidna l-Mulej għax ġej.
Għannu lill-Mulej …
Hu ġej jagħmel ħaqq mill-art,
Mid-dinja bil-ġustizzja.
Il-popli bis-sewwa tiegħu
Tifraħ u tithenna l-art.
Għannu lill-Mulej …
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 14, 15-21)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Missier qaddis,
Inti wegħdtna li ma tħallina qatt iltiema – qawwi fina id-doni tal-Ispirtu s-Santu sabiex nżommu dejjem sħiħa f’qalbna it-tama tagħna fik u fil-Kelma ta’ Ibnek Ġesu. B’hekk ix-xhieda tagħna tkun sħiħa u tagħti glorja lilek.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.