Missier Qaddis, int li ġejt f’din id-dinja biex iġġibilna l-ferħ, nitolbuk tagħtina l-qawwa spiritwali sabiex nagħrfu d-differenza bejn ferħ materjali u l-hena ta’ dejjem. Nitolbuk sabiex issaffina mill-kilba għall-pjaċiri tal-ħajja ta’ kuljum u għinna nsibu l-veru ferħ interjuri, li nsibuh fik biss.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.
Illum twildilna Salvatur
li hu Kristu l-Mulej.
Għannu lill-Mulej għanja ġdida.
Għannilu art kollha.
Għannu lill-Mulej,
Bierku lil Ismu.
Illum twildilna Salvatur
li hu Kristu l-Mulej.
Ħabbru minn jum għal jum
Is-salvazzjoni tiegħu.
Xandru fost il-ġnus il-glorja tiegħu,
Fost il-popli l-għeġubijiet tiegħu.
Illum twildilna Salvatur
li hu Kristu l-Mulej.
Jifirħu s-smewwiet u l-art,
Il-baħar b’kull ma fih.
Ir-raba’ jgħajjat bil-ferħ
Quddiem Sidna l-Mulej għax ġej.
Illum twildilna Salvatur
li hu Kristu l-Mulej.
Hu ġej jagħmel ħaqq mill-art,
Mid-dinja bil-ġustizzja.
Il-popli bis-sewwa tiegħu
Tifraħ u tithenna l-art.
Illum twildilna Salvatur
li hu Kristu l-Mulej.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 2, 1-14)
F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.
Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.
Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”.
F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Ir-rgħajja “qabadhom biżà kbir” meta dehrilhom l-anġlu. Quddiem mumenti jew perjodi li jbeżżghuk, xi tkun l-ewwel reazzjoni tiegħek?
Iż-żmien tal-Avvent kien żmien ta’ stennija, kien vjaġġ. F’Isaija naqraw li “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir”. Dan huwa il-Jum tad-dawl! Kristu huwa d-Dawl tad-dinja, id-Dawl tal-ħajja tagħna. Lesti aħna nilqgħu dan id-Dawl? Lesti aħna ngħaddu dan id-Dawl lil ħaddieħor? Kif nistgħu inkunu dawl fil-ħajjiet ta’ dawk ta’ madwarna?
“Hu li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.” (Tit 2: 14) Hu għażilna u sejħilna biex inkunu mħeġġa. Inti mħeġġeġ għal-Mulej? Lest biex tagħmel ir-rieda tiegħu u timxi fit-triq li ħejja għalina?
Marija weldet lil binha Ġesù ġo sempliċi maxtura, għax ma sabux post ġo lukanda. Fil-ħajja personali tiegħek tfittixha s-sempliċità jew ħajtek mimlija kaos?
Quddiem din il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù, l-irwol ta’ Ġużeppi kien wieħed ta akkumpanjament u sapport għal Marija. F’dan il-jum tal-Milied tistà taħseb f’xi persuni li jinsabu waħedhom u li m’għandhomx ma’ min jaqsmu l-ferħ tal-Milied? Kif tista’ tferraħhom b’mod sempliċi f’dan iż-żmien partikolari fejn ninsabu l-bogħod minn xulxin?
“Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu”. Salm 96 jistedinna ngħannu b’qalbna kollha, l-Aħbar it-Tajba u naqsmu il-ferħ u l-hena li jġib miegħu dan il-jum tal-Miled, filwaqt li nxandru l-Evanġelju, ma’ dawk ta’ madwarna. Ejjew aħna ukoll infaħħru lill-Mulej u naħsbu fil-barkiet kollha li hu tana f’dawn il-jiem.
Grazzi Mulej tal-Kelma tiegħek f’dan il-jum qaddis. Grazzi talli bgħatt lil ibnek il-waħdieni biex isalvana u jagħtina eżempju ċar ta’ mħabba bla kundizzjoni. Mulej Ġesu nitolbuk tħalli din il kelma tidwi ġewwa qlubna u tfawwar qlubna bl-hena li tmantnina għall-jiem li ġejjin. Agħtina is saħħa negħlbu d-diffikultajiet tagħna u agħtina qalb mimlija gratitudni biex qatt ma ninsew infaħħruk.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.