Solennità

It-Tħabbira tal-Mulej

Ikona miktuba minn Nathanael Theuma.

Talba ta' Introduzzjoni

Mulej Ġesu’,

Inti tixtieq tagħmel l-għamara tiegħek fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna permezz tal-Kelma tiegħek. Imla qalbna bl-Ispirtu qaddis tiegħek, sabiex bħal Marija aħna wkoll nilqgħu lil Ibnek Ġesu’ bħala il-Kelma tal-ħajja, u nwellduħ f’kull realta’ ta’ ħajjitna.

Ammen.

Issebbaħ Ruħi

Isma' din l-għanja kantata billi tagħfas play.

Issebbaħ ruħi l-Mulej
Jithenna fih l-ispirtu tiegħi
Għax ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu
U ħwejjeg kbar għamel miegħi

Minn issa u għal kull żmien
Imbierka isejħuli
Għax Alla hu qaddis, setgħani ismu
Minn nisel għal kull nisel
Hu juri l-ħniena tiegħu
Imħabbtu hi għal dawk li jibżgħu minnu

Xerred ‘l-imkabbrin
Hu wera l-qawwa tiegħu
U għolla liċ-ċkejknin fit-tama tiegħu
Xebba ‘l-imġewħin
Bil-ġuħ lill-għonja telaq
Lil Iżrael ħa ħsieb fil-ħniena tiegħu

Ikun minni dak li trid
Hawn hi l-qaddejja tiegħek

Issebbaħ ruħi l-Mulej
Jithenna fih l-ispirtu tiegħi
Għax ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu
U ħwejjeg kbar għamel miegħi

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti sa tnissel fi ħdanek u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Riflessjoni

Marija kellha aktar fidi mill-bnedmin u l-anġli kollha!

Marija rat lil binha fl-istalla f’Betlem, u emmnet li hu il-ħallieq tad-dinja. Ratu jaħrab minn Erodi, u emmnet li hu ir-re tar-rejjiet. Ratu jitwieled, u emmnet li hu etern. Ratu fqir imfisqi fuq it-tiben, u emmnet li hu omnipotenti. Ratu jitkellem, u emmnet li kien l-Għerf innifsu. Semgħatu jibki, u emmnet li hu kien il ferħ tas-sema!

U meta ratu fuq il-kalvarju, u il-fidi ta’ kullħadd instabet nieqsa, emmnet li hu Alla. Fiċ-ċenklu wara il-qawmien mill-imwiet, kienet Marija li żammet ħajja il-fjamma tal-fidi fil-qalb tal-Appostli.

Ġużeppi De Piro

Riflessjoni fuq l-Ikona ta' Tħabbira

Talba tal-Għeluq

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, 
Omm qaddisa ta Alla: 
la twarrabx minn quddiemek 
it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,
o Verġni glorjuża u mbierka.

Ammen

Leave a Reply