Missier Qaddis, intuk kull ġieħ u glorja f’dan il-jum mbierek tal-Ħadd tal-Ferħ fejn tpoġġilna l-istedina biex nifirħu għax is-salvazzjoni permezz ta’ Ibnek Ġesù hi fil-qrib. Imliena nitolbuk bl-Ispirtu Qaddis tiegħek ħa jiftaħ l-widnejn tal-qlub tagħna, biex nisimgħu l-leħen li qed jgħajjat fid-deżert ta’ ħajjitna, u nwieġbu bis-sħiħ għas-sejħa biex inwittu t-triq għal miġja t’Ibnek.
Bi Kristu Sidna, Amen.
Issebbaħ ruħi ’l-Mulej,
Jithenna fih l-Ispirtu tiegħi.
Għax ħares lejn
Iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu,
U ħwejjeġ kbar għamel miegħi.
Minn issa għal kull żmien
Imbierka jsejħuli,
Għax Alla hu qaddis, setgħani ismu.
Minn nisel għal kull nisel
Hu juri l-ħniena tiegħu.
Imħabbtu hi għal dawk
Li jibżgħu minnu.
Issebbaħ ruħi ’l-Mulej …
Xerred ’l-imkabbrin,
Hu wera l-qawwa tiegħu,
U għolla liċ-ċkejknin fit-tama tiegħu.
Xebbgħa ’l-imġewħin,
Bil-ġuħ lill-għonja telaq,
Lill-Iżrael ħa ħsieb fil-ħniena tiegħu.
Issebbaħ ruħi ‘l-Mulej …
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 1, 6-8.19-28)
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.
Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tg ħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.
Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”.
Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Dan il-Ħadd hu msejjaħ il-Ħadd tal-ferħ. X’kienet l-aktar ħaġa riċenti li ġabitli ferħ f’ħajti? Jista’ jkun li minħabba l-pandemija qiesu nsejna dan x’inhu, għalhekk tajjeb naħseb ftit, il-ferħ f’ħajti fuqhiex jiddependi? Fuq dak li hu barra minni? Jew fuq dak li hemm ġewwa fija?
Il-profeta Iżaija fl-ewwel qari jgħid li “jifraħ fuq li jifraħ bil-Mulej”. Qatt esperjenzajt dan it-tip ta’ ferħ? Fuq kollox, xi tfisser għalija li s-salvazzjoni hi fil-qrib? Nista’ nuża l-immaġini fejn nara lil qalbi bħala ġnien li fiha jnibbet il-miżrugħ fih” jew bħalissa hemm wisq għollieq u ġebel?
San Pawl, fit-tieni qari, jinkuraġġina biex nifirħu dejjem u nitolbu bla heda. Fiċ-ċirkustanzi li ninsab fihom, qatt tajt ħsieb kif dan nista’ nwettqu? Ukoll, hu jwiddibna biex ngħaddu kollox mill-għarbiel. Jien kif ngħix? Aljenat? Jew nagħrbel ftit l-attitudnijiet tiegħi? Kif naġixxi meta nkun ix-xogħol, jew ma’ tad-dar? Nemmen li vera Alla tas-sliem jista jqaddisni f’kollox?
Fil-Vanġelu tallum meħud minn San Ġwann, il-Knisja terġa tippreżentalna lill-persuna ta’ Ġwanni l-Għammied, li kien mibgħut biex jagħti xhieda għad-dawl iżda hu ma kienx id-dawl. Kien jaf min hu iżda wkoll x’mhuwiex. Jien ukoll ġejt mogħti/ja sejħa partikulari u Alla tani kemm doni kif ukoll limiti biex inwettaq din is-sejħa f’ħajti. Jien familjari mal-limiti tiegħi? Jew neħli ħafna enerġija f’affarijiet lil hinn minn dak li Alla jixtieq minni? Kemm jien komdu jew komda f’dak li jien?
Nirringrazzjawk Missier għal dak kollu li tagħmel magħna. Grazzi li tkompli tindukrana permezz tal-Kelma tiegħek. Nitolbuk tgħinna biex, permezz tal-Ispirtu tiegħek, inkomplu nippreparaw lilna nfusna, billi nagħrfu dejjem aktar dak li Inti tagħmel magħna u nistennew b’tama qawwija is-salvazzjoni tieghek. Dan nitolbuh, bi Kristu Sidna, Amen.