Mulej Ġesu’,
Fis-smiegħ tal-Kelma tiegħek nagħmlu esperjenza tal-preżenza tiegħek irxoxot fostna, miexi it-triqat tagħna. Agħtina il-grazzja nemmnu li ma hemm l-ebda triq li mintix lest timxi magħna u l-ebda delużjoni li ma tistax tlaqqagħna miegħek mil-ġdid.
Bi Kristu Sidna.
Ammen.
Int it-triq, inti d-dawl
Inti s-sewwa l-verità,
Jiena minnek qatt ma niddubita
Għax inti t-triq inti d-dawl
Inti s-sewwa u l-verità
Inti twassalni fl-eternità.
Ħarisni O Mulej għax fik jien nistkenn
Jien għedt lil Mulej m’għandix ġid ħliefek
It-twajbin huma l-kbar f’din l-art
Fihom il-għaxqa kollha tiegħi.
Id-dwejjaq iżidu dawk li jaħtru allat oħra,
U isimhom anqas biss ma nsemmih b’xofftejja.
Int it-triq, inti d-dawl …
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-risq tiegħi,
Inti żżomm f’idejk xortija.
Il-kejl tani art li tgħaxxaq
Messni sehem tassew għal qalbi.
Inbierek lil Mulej li tani l-fehma
Imqar billejl qalbi tgħallimni.
Int it-triq, inti d-dawl …
Inżomm lil Mulej dejjem quddiemi
Għax bih ma ġenbi qatt ma nitħarrek
Tifraħ qalbi u tithenna ruħi
Ġismi ukoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix
Ma tħallix lill-maħbub tiegħek
Jara l-mewt, l-qabar jew it-taħsir.
Int it-triq, inti d-dawl …
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja
Hemm mill-milja tal-ferħ quddiemek.
Hemm l-għaxqa għal dejjem
Hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.
Int it-triq, inti d-dawl …
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa (Lq 24, 13-35)
Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.
“X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!
Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.
Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.
Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Nitolbuk Mulej biex turina sewwa it-triq li twassalna għandek. Kun id-dawl li jmexxina lejn il-glorja tas-sema. Neħħilna kull xkiel minn għajnejna li jtellifna milli ngħarfuk. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej tgħinna ngħarfu il-kobor tiegħek. Imliena bl-ispirtu tiegħek sabiex nitgħallmu kif inkunu dixxipli tajba, u urina kif inkunu lesti nemmnu it-tagħlim tal-Knisja, mingħajr ma niddubitaw. Nitolbu.
Il-Mulej Ġesu qal lid-dixxipli, “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu il-profeti.” Tħallix li qatt nkunu tqal biex nemmnu l-Kelma tiegħek u niddubitaw dak li hemm miktub fuqek. Nitolbu.
Mulej, inti lqajt l-istedina taż-żewġ dixxipli biex tibqa’ magħhom u rrivelajt ruħek lilhom fil-qsim tal-ħobż. Nitolbuk tibqa’ turina min inti permezz tal-ewkaristija u tal-Kelma tiegħek. Nitolbu.
Mulej, id-dixxipli tiegħek reġaw lura Ġerusalemm bl-għaġġla meta għarfu min inti, biex iwasslu l-aħbar li kienu ltaqgħu mal-Mulej Ġesu. Għinna nitolbuk Mulej biex bl-eżempju tagħna inwasslu lilek għand dawk li għadhom il-bogħod minnek. Nitolbu.