Matul dil-ġimgħa hekk importanti għan-Nisrani, u fl-assenza ta’ ċelebrazzjonijiet fiżiċi ser nkunu qed nipprovdu din il-Liturgija Domestika bħala podcast, li tista’ tismagħha waqt li qiegħed tirrifletti waħdek jew m’oħrajn. Hawn taħt tistgħu wkoll issibu xi materjal anċillari li jista’ jghinek fir-riflessjoni.
Agħfas play biex issegwi. Biex tniżżel (download) dan il-podcast fuq il-computer, agħfas hawn.
Ħenn għalina O Mulej.
O Kristu int irċevejt il-magħmudija * minn Ġwanni fil-Ġordan.
Salvajt l-umanità mġarrba * u ftaħt għalina l-bieb tas-sema.
O Kristu, l-Ispirtu S-Santu * bħal ħamiema niżel fuqek.
Ġejt ikkonsagrat bl-ispirtu s-Santu * bil-qawwa u bin-nar.
O Kristu, bil-magħmudija tiegħek * qaddist il-magħmudija tagħna.
Dan hu is-Sagrament il-kbir * jagħmilna wlied id-dawl.
O Kristu bid-dilka tal-Katekumenat * inti ssalvana mill-ħakma tax-xitan.
Agħmel li dawn iċ-ċkejknin * jinħelsu mill-gidba tiegħu.
Illum aħna nikkontemplaw * il-misteru qaddis tat-Trinita.
Il-Missier juri lil Ibnu * u l-Ispirtu S-Santu jikkonsagrah.
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni,
Inti taf meta noqgħod u meta nqum
Inti tagħraf mil-bogħod ħsibijieti,
Triqati kollha inti tafhom sewwa
Nkun għadni anqas lissint il-kelma,
Meta int Mulej tkun ġa tafha kollha
Dawramejt int tħaddanni
U tqegħedli idejk fuqi.
L-għerf tiegħek, ta’ l-għaġeb
Għoli wisq u ma nlaħħaqx miegħu
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni…
Fejn immur il bogħod mill-Ispirtu tiegħek?
Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek;
Jekk nitla’ fis-smewwiet, hemm int;
Jekk nimtedd f’qiegħ l-art hemm int ukoll.
Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ
u mmur ngħammar fi trufijiet il-baħar,
Hemm ukoll tilħaqni idek,
U taqbadni l-leminija tiegħek.
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni…
Jekk ngħid ha jaħbini d-dlam,
Ħa jkunli d-dawl lejl madwari,
Anqas id-dlam ma hu mudlam;
Għalik il-lejl jiddi bħan-nar.
Għax inti sawwart il-ġewwieni tiegħi
U fil-ġuf ta’ ommi nsiġtni
Inroddlok ħajr, b’mod tal-għageb għamiltni
U lil ruħi tafha tajjeb
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni…
Għarbilni O Alla u għaraf qalbi
Iflini u kun af ħsibijieti
Ara iniex miexi fi triq ħażina
U mexxini int fi triq ta’ dejjem.
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 13, 21-33.36-38)
F’dak iż-żmien, waqt li kien fil-mejda mad-dixxipli tiegħu, Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ: “Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini”. Id-dixxipli qabdu jħarsu lejn xulxin, ma jafux għal min qal hekk. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li Ġesù kien iħobb, kien maġenbu fuq il-mejda, b’rasu ma’ sider Ġesù. Xmun Pietru għamillu sinjal u staqsieh: “Għal min qiegħed jgħid?”. Dak, kif kien mimdud hekk fuq sider Ġesù, staqsieh: “Min hu, Mulej?”. Wieġbu Ġesù: “Dak li għalih se nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu”. Imbagħad bill biċċa ħobż, u qabad u taha lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota. Ġuda ħa l-biċċa ħobż u daħal fih ix-Xitan. Qallu Ġesù: “Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx”. Imma ħadd minn dawk li kienu fuq il-mejda ma kien jaf għalfejn qallu hekk. Billi Ġuda kien il-kaxxier, xi wħud stħajlu lil Ġesù jgħidlu: “Mur ixtri dak li neħtieġu għall-festa”, jew biex imur jagħti xi ħaġa lill-foqra. Dak, wara li ħa l-biċċa ħobż, minnufih ħareġ ’il barra. Kien billejl.
Kif ħareġ Ġuda, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom; intom tfittxuni, u bħalma għedt lil-Lhud, hekk ukoll ngħidu issa lilkom: Fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu”. Qallu Xmun Pietru: “Fejn sejjer, Mulej?”. U Ġesù wieġbu: “Fejn sejjer jien, int għalissa ma tistax tiġi miegħi; imma tiġi warajja aktar tard”. Qallu Pietru: “Għaliex, Mulej, ma nistax niġi miegħek issa? Għalik jiena nagħti ħajti!”. Wieġbu Ġesù: “Inti, tagħti ħajtek għalija? Tassew tassew ngħidlek li s-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun ċħadtni tliet darbiet!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu