Missier qaddis,
Inti ħlaqt lill-bniedem fi xbieha tiegħek, u tajtu il-grazzja li jidħol f’relazzjoni miegħek permezz tal-Ispirtu s-Santu. Keċċi minnu kull biża li mhix ġejja minnek, u agħtih il-grazzja li jniżżel għeruqu fl-imħabba tiegħek.
Bi Kristu Sidna
Ammen
Alla, Alla tiegħi jien infittex.
Ruħi hi bil-għatx, bil-għatx għalik.
Bħal art niexfa u maħruqa
Għalhekk ġejt nadurak,
Nitgħaxxaq bik.
Għax it-tjieba tiegħek ħajja.
Xofftejja jfaħħruk, jagħtuk tifħir.
Għalhekk inbierkek f’ħajti kollha.
Idejja ngħolli ‘l fuq u ntik tifħir.
Bħal b’ikel bnin jiena nimtela.
Jgħannilek fommi għanja bla mistrieħ.
Mimdud fuq friexi fik niftakar
U fuqek naħseb waħdi fis-sahriet.
Għax inti kont għajnuna għalija,
Għad-dell ta’ ġwenħajk jiena nistrieħ.
Miegħek tingħaqad ir-ruħ tiegħi,
Int tweżinni dejjem u f’kull ħin.
Dawk li jfittxuli ħajti
Huma jispiċċaw u jduqu l-qiegħ.
Imma s-sultan f’Alla dejjem jifraħ
Għax hu t-tama tiegħu dejjem fih.
Din l-art niexfa għad tinbidel,
Jirritorna l-ilma u ssir ġnien.
Faħħar ’l Alla dejjem O ruħ tiegħi
Għaliex it-tjieba tiegħu hi bla tmiem.
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 10, 26-33)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem flinfern.
Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Missier Qaddis,
Fil-ħniena tiegħek Inti tajt lill-bniedem dak kollu li jeħtieġ fuq din l-art, u tajtu qalb li kapaċi tidħol f’relazzjoni miegħek permezz tal-Kelma tiegħek. Agħmel li l-imħabba tagħna lejk tkeċċi minna kull biża sabiex il-ħajja tiegħek fih tixhed il-kobor ta’ imħabbtek.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.