It-Tnejn
tal-Ġimgħa Mqaddsa

Antifona

Ħenn għalina O Mulej.

O Kristu int mort  *   għand Marta, Marija u Lazzru.
Għallimna dejjem ngħożżu  *  ir-rigal tal-ħbiberiji tagħna.

Marija dilket il-ġisem tiegħek * b’żejt ifuħ li jiswa ħafna.
Agħmel li aħna dejjem inxerrdu  *  ma’ kullimkien il-fwieħa tiegħek.

Marta bdiet isservi *  fuq il-mejda tal-ospitalità u l-ħbiberija.
Agħtina l-grazzja li naqdu dejjem  *   lil ħutna  fil-bżonn.

Ġuda ma għarafx id-don * tal-imħabba u l-ġenerożità  ta’ Marija.
Agħtina qalb li tifhem  *  is-sinjali  tal-imħabba tal-oħrajn

Salm 85

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Mulej, urejt imħabbtek lejn artek
Reġġajt mill-jasar lil Ġakobb; 
Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek; 
Ħfirtilna d-dnubiet tagħna lkoll. 
Reġġajt lura il-qilla tiegħek; 
Mulej, taffejt il-korla tiegħek. 

Reġġagħna għal li konna, 
Alla tagħna s-Salvatur, 
Warrab minn fuqna l-korla tiegħek. 
Mulej se tibqa’ għal dejjem tagħdab 
u tinkorla għalina? 
Mhux Int li terġa’ tagħti lilna l-ħajja, 
Biex jifraħ bik il-poplu tiegħek? 

Uri, Mulej, it-tjieba tiegħek, 
U s-salvazzjoni tiegħek tina. 
Ħa nisma’ s-sliem li l-Mulej ixandar, 
Għal ħbiebu u dawk li jafdaw fih. 
Għax qrib tassew hi s-salvazzjoni tiegħu, 
Biex igħammar f’artna is-sliem. 

Reġġagħna għal li konna… 

It-tjieba u l-fedelta’ jiltaqgħu, 
Il-ħaqq u s-sliem jitbewsu. 
U il-ġustizzja tixref mis-smewwiet, 
Il-fedelta’ tinbet mill-art. 
U il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu, 
U artna tagħti il-frott. 

Reġġagħna għal li konna… 

Quddiemek timxi il-ġustizzja, 
U s-sliem fuq il-passi tiegħek. 
Mulej reġġagħna għal dak illi konna, 
Warrab minn fuqna l-qilla tiegħek. 
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, 
U is-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 12, 1-11)

Sitt ijiem qabel il-festa tal-Għid, Ġesù mar Betanja, fejn kien joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. Hemmhekk għamlulu ikla; Marta bdiet isservi, waqt li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq il-mejda ma’ Ġesù. Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, imbagħad ixxttathomlu b’xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ.

Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li kien se jittradih, qal: “Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?”. Issa dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kulma kienu jaqilgħu. Qallu Ġesù: “Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni”.

Kotra kbira ta’ Lhud saru jafu li hu kien qiegħed hemm, u marru mhux biss minħabba Ġesù, imma wkoll biex jaraw lil Lazzru, li hu kien qajjem mill-imwiet. Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

Ieqaf ftit ma dan it-test...
  1. Ġesù kien mistieden għand il-ħbieb tiegħu għall-ikel. F’dawn iż-żminijiet fejn aħna qegħdin mċaħħdin mid-don tal-ħbiberija, kif qiegħda taffetwana din is-sitwazzjoni u x’qed nagħmlu biex inżommu l-kuntatti ħajjin?
  2. Marta ħadet fuqha ir-responsabbiltà li sservi. F’ċirkostanzi simili, kemm aħna lesti li noħorġu mill-comfort zone tagħna biex naqdu u nservu b’imħabba fejn ikun hemm bżonn l-għajnuna tagħna
  3. Wara l-eżempju ta’ Marija li fewwħet id-dar kollha, aħna fil-ħajja tagħna minn xhiex lesti li niċċaħdu biex inkunu verament fwieħa u katalisti f’mumenti delikati u partikolari li nistgħu nkunu msejħa għalihom?
  4. Xi prezz lesti li nħallsu minkejja li niġu ppersegwitati biex nagħtu xhieda ta’ Kristu msallab, mal-aktar vulnerabbli, anke jekk nirriskjaw li nkunu mwarrba minn dawk ta’ madwarna?

Riflessjoni fuq il-Vanġelu

Talba tal-Għeluq

O Alla,

Għatina il-grazzja li nixhdu fid-dinja l-imħabba li sibna f’Ibnek Ġesu sidna. Għamel li kull kelma u kull azzjoni tagħna ikunu bħal fwieħa li tixhed il-preżenza tal-imħabba tiegħek f’qalbna, sabiex permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħek, kull min jiltaqa’ magħna jiltaqa’ wkoll mal-imħabba kbira tiegħek.

Ammen.