It-Trinità Qaddisa

Talba ta' Introduzzjoni

Missier Qaddis,

Inti bgħatt lil-Ibnek il-waħdieni sabiex juri lid-dinja l-imħabba kbira tiegħek, u biex kull min jemmen fih jirċievi l-Ispirtu tal-Ħajja. Għamel li mdawwlin mil-Kelma tiegħek niskopru aktar x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond ta’ l-imħabba ta’ Kristu, u b’hekk nimtlew bil-milja kollha tiegħek.

Bi Kristu Sidna,

Ammen.

Salm 139

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni,
Inti taf meta noqgħod u meta nqum
Inti tagħraf mil-bogħod ħsibijieti,
Triqati kollha inti tafhom sewwa

Nkun għadni anqas lissint il-kelma,
Meta int Mulej tkun ġa tafha kollha
Dawramejt int tħaddanni
U tqegħedli idejk fuqi.

L-għerf tiegħek, ta’ l-għaġeb
Għoli wisq u ma nlaħħaqx miegħu

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni…

Fejn immur il bogħod mill-Ispirtu tiegħek?
Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek;
Jekk nitla’ fis-smewwiet, hemm int;
Jekk nimtedd f’qiegħ l-art hemm int ukoll.

Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ
u mmur ngħammar fi trufijiet il-baħar,
Hemm ukoll tilħaqni idek,
U taqbadni l-leminija tiegħek.

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni…

Jekk ngħid ha jaħbini d-dlam,
Ħa jkunli d-dawl lejl madwari,
Anqas id-dlam ma hu mudlam;
Għalik il-lejl jiddi bħan-nar.

Għax inti sawwart il-ġewwieni tiegħi
U fil-ġuf ta’ ommi nsiġtni
Inroddlok ħajr, b’mod tal-għageb għamiltni
U lil ruħi tafha tajjeb

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni…

Għarbilni O Alla u għaraf qalbi
Iflini u kun af ħsibijieti
Ara iniex miexi fi triq ħażina
U mexxini int fi triq ta’ dejjem.

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 3, 16-18)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu:  “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

 

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

Ieqaf ftit ma dan it-test...
  1. “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni.” Ġesù hu l-personifikazzjoni u l-manifestazzjoni tal-imħabba tal-Missier għalina. X’inhu l-għan aħħari tal-imħabba tiegħi? L-imħabba tiegħi lejn il-Missier kemm qed tqanqalni biex inħobb lil uliedu bl-istess mod kif ħabbni hu ?
  2. “Id-dinja ssalva permezz tiegħu.” Ir-rieda ta’ Ġesù hi li kulħadd isalva, ma tikkundannax. Ħafna drabi, jien bħal Nikodemu: naċċetta biss dawk l-affarijiet li jaqblu mal-ideat tiegħi u nirrifjuta  kull ħaġa oħra, billi nikkundanna? Kemm jien lest  li nħalli lili nnifsi niġi sorpriż  bil-kliem ta’ Ġesù? Kif  tgħinek it-tama fi żminijiet ta’ tbatija jew diffikultà?
  3. “Min jemmen” Alla jitlob minni li jkolli l-kuraġġ li nemmen f’din l-imħabba li hi offruta lilli gratis. Kemm qed inbattal minn dak li hu jien (ego) u nħalli lill-Ispirtu s-Santu jimlieni bih? Kif u kemm inbidlet il-fidi tiegħi minn meta kont tifel/a?
  4. Ir-rivelazzjoni tal-misteru tat-Trinità turina Alla min Hu, u jien min jien. Dan kollu jġegħlni nistaqsi dwar is-sehem tiegħi personali u bħala komunità f’dan il-misteru. L-għarfien tal-imħabba ta’Alla Trinità titlob minni tweġiba.

Riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħadd

Talbiet ta' Interċessjoni

  1. Missier l-aktar qaddis int li hekk ħabbejtna li bagħat lil ibnek il-waħdieni mhux biex jagħmel ħaqq minnha imma biex isalvana nitolbuk biex aħna nitghallmu nħobbuk u nafdaw fik. Nitolbu. 
  2. Iben il-waħdieni, int li ħsiltna bid-demm prezzjuż tiegħek, nitolbuk timla l-qlub tagħna bl-imħabba lejn l-oħrajn, agħmel li l-qalb tagħna tkun tixbah lill-qalb tiegħek. Nitolbu.  
  3. Spirtu qaddis ta’ Alla int tmexxina fit-triq tas-sewwa, nitolbu biex ma titlaqna qatt anki meta aħna naqtgħu qalbna mill-ħajja, imma kun int id-dawl li jmexxina lura lejn triq is-sewwa. Nitolbu. 
  4. Mulej, nitolbu għall-bnedmin kollha madwar id-dinja b’mod speċjali dawk li tilfu kull sens ta’ direzzjoni biex jerġghu jduqu ftit mill-imħabba infinita tiegħek. Nitolbu. 

Talba tal-Għeluq

Mulej Ġesu,

Inti irriveljat lill-bniedem il-wiċċ tal-Missier, u tajtu il-possibbilta’ li jgħammar fl-imħabba tiegħu permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu. Għamel li l-Ispirtu tiegħek ikunu għalina ukoll kumpann inseparabli sabiex il-Kelma li rċevejna issib qalb fejn tgħammar, tikber u tħalli il-frott.

Bi Kristu Sidna,

Ammen.