L-Erbgħa
tal-Ġimgħa Mqaddsa

Antifona

Ħenn għalina O Mulej

Dan hu z-żmien it-tajjeb * dan hu ż-żmien tas-salvazzjoni.
Urina d-dija ta’ wiċċek *  u aħna ninġibdu lejk.

Mulej Ġesù l-Ispirtu ħadek fid-deżert * għal erbgħin jum u erbgħin lejl.
Ir-Randan hu ż-żmien li fih  * niftħu qalbna  għall-Ispirtu tiegħek.

Mulej Ġesù fid-deżert inti għext *  fis-sawm u  fit-talb.
Għallimna ngħixu b’kull Kelma  *  li toħroġ mill-fomm tiegħek.

Mulej Ġesù l-ewwel kelma tiegħek * Indmu  u emmnu l-bxara t-tajba.
Għallimna nduru  lura *  fi ħdan il-ħniena tal-Missier.

Mulej Ġesù t-talb, is-sawm u l-karità * għallimna  ngħixuh fil-moħbi.
Nidħlu fil-kamra ta’ ġewwa  * u naduraw fl-Ispirtu u l-Verità.

Salm 51

Isma' dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Ikollok ħniena minni, O Mulej
Fil-kobor tal-ħniena tiegħek; Ħassar dnubi.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi. (x2)
Naddafni Mulej; Mid-dnub tiegħi. x2

Għax jiena nagħrafhom ħtijieti,
Id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.
Kontrik dnibt
U dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.

Ikollok ħniena minni, O Mulej …

Ara jien ssawwart fil-ħtija,
Fid-dnub nisslitni ommi.
Inti li tħobb il-qalb sinċiera,
Għallimni l-għerf ġo qalbi.

Ikollok ħniena minni, O Mulej …

Roxxni bl-ilma u nissaffa,
Aħsilni u jien nibjad.
Għamel li nisma’ l-ferħ u l-hena
Biex għadmi li int sħaqt jithenna.

Ikollok ħniena minni, O Mulej …

Dawwal wiċċek minn ħtijieti
Ħassar ħżunieti kollha.
Oħloq fija qalb safja,
Ġedded spirtu qawwi ġewwa fija.

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 26, 14-25)

F’dak iż-żmien, wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom: “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?”. U huma tawh tletin biċċa talfidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu: “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?”. U hu qalilhom: “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu: “Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi”.

Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla tal-Għid. Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u waqt l-ikel qal: “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini”. Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih: “Jaqaw jien, Mulej?”. U Ġesù weġibhom: “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”. Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu: “Jaqaw jien, Rabbi?”. Wieġbu Ġesù: “Int qiegħed tgħidu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Talbiet Penitenzjali

Maħfra Mulej ta’ meta konna madwar il-mejda tiegħek imma qalbna kienet x’imkien ieħor. Nitolbu.

Maħfra Mulej ta’ kemm xi kultant nitraduk ma’ affarijiet oħra materjali. Nitolbu.

Maħfra Mulej jekk waqt dan iż-żmien ta’ pandemija tal-COVID-19 iddubitajna minnek. Nitolbu.

Maħfra Mulej jekk għal xi waqt aħna ħsibna li dan iż-żmien li qegħdin ngħixu huwa kastig minn għandek, meta nafu sew li inti kollok imħabba u ħniena. Nitolbu.

Riflessjoni fuq il-Vanġelu

Talba tal-Għeluq

O Alla,

Inti sejjaħt għal warajk lil Pietru u ma ħaristx lejn id-djufija tiegħu iżda lejn l-imħabba li kellu għalik. Ħares nitolbuk bil-ħniena lejn il-Knisja tiegħek hi u tkompli il-missjoni li inti fdajt lit-tnax-il appostlu, sabiex żżomm ħarsitha dejjem fuqek il-maħbub tagħha.

Bi Kristu Sidna.

Ammen.