L-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa

Matul dil-ġimgħa hekk importanti għan-Nisrani, u fl-assenza ta’ ċelebrazzjonijiet fiżiċi ser nkunu qed nipprovdu din il-Liturgija Domestika bħala podcast, li tista’ tismagħha waqt li qiegħed tirrifletti waħdek jew m’oħrajn. Hawn taħt tistgħu wkoll issibu xi materjal anċillari li jista’ jghinek fir-riflessjoni.

Agħfas play biex issegwi. Biex tniżżel (download) dan il-podcast fuq il-computer, agħfas hawn.

Antifona

Ħenn għalina O Mulej.

Dan hu ż-żmien it-tajjeb * dan hu ż-żmien tas-salvazzjoni
Urina d-dija ta’ wiċċek * u aħna ninġibdu lejk.

Mulej Ġesù l-ispirtu ħaddek fid-deżert * għal 40 jum u 40 lejl.
Dan hu żmien li fih * niftħu qalbna għall-Kelma tiegħek.

Mulej Ġesù fid-deżert * inti għext fis-sawm u fit-talb
Għallimna ngħixu b’kull kelma * li toħroġ mill-fomm tiegħek.

Mulej Ġesù l-ewwel kelma tiegħek * Indmu u emmnu l-bxara t-tajba
Għallimna nduru lura * fi ħdan il-ħniena tal-Missier.

Mulej Ġesù t-talb, is-sawm u l-karita * għandna ngħixuh fil-moħbi
Nidħlu fil-kamra ta’ ġewwa * u naduraw bl-ispirtu u l-Verità.

Salm 130

Jekk tal-ħtijiet tagħti kas
Mulej min jista’ jżomm sħiħ? x2

Minn qiegħ l-art insejjaħlek Mulej,
Mulej isma’ l-leħen tiegħi.
Ħa jkunu widnejk miftuħa
jien u nitolbok bil-ħniena.

Jekk tal-ħtijiet tagħti kas …

Imma għandek hemm il-maħfra
Biex hekk inqimuk għal dejjem.
Jien lill-Mulej nistenna,
Ruħi f’kelmtu tittama.

Jekk tal-ħtijiet tagħti kas …

Tistenna ruħi ’l Sidi
Aktar mill-għassiesa s-sebħ.
Aktar mill-għassiesa s-sebħ
Jistenna Iżrael lil Alla.

Jekk tal-ħtijiet tagħti kas …

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba
Il-maħfra għandu bil-kotra.
Hu jifdi lil Iżrael
Minn ħtijietu kollha.

Jekk tal-ħtijiet tagħti kas …

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 26, 14-25)

 

F’dak iż-żmien, wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom: “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?”. U huma tawh tletin biċċa talfidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biexjagħtihom lil Ġesù f’idejhom.

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu: “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?”. U hu qalilhom: “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu: “Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi”.

Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla tal-Għid. Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u waqt l-ikel qal: “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini”. Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih: “Jaqaw jien, Mulej?”. U Ġesù weġibhom: “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”. Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu: “Jaqaw jien, Rabbi?”. Wieġbu Ġesù: “Int qiegħed tgħidu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu