Missier Qaddis, infaħħruk ta’ dan iż-żmien qaddis tal-Avvent u tas-sejħa biex aħna nishru u nitolbu waqt li nistennew it-tieni miġja ta’ Ibnek Ġesù. Agħtina d-don tal-Ispirtu biex dan iż-żmien ikun għalina żmien ta’ tiġdid fil-mixja tagħna wara Ibnek, u t-tama fl-imħabba tiegħek tkun li tmexxina biex nkunu xhieda ħajjin tal-fidi u t-tama tagħna fik.
Bi Kristu Sidna. Ammen.
Mulej, urejt imħabbtek lejn artek
Reġġajt mill-jasar lil Ġakobb;
Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek;
Ħfirtilna d-dnubiet tagħna lkoll.
Reġġajt lura il-qilla tiegħek;
Mulej taffejt il-korla tiegħek.
Reġġagħna għal li konna, Alla tagħna s-Salvatur,
Warrab minn fuqna l-korla tiegħek.
Mulej se tibqa’ għal dejjem tagħdab u tinkorla għalina?
Mhux Int li terġa’ tagħti lilna l-ħajja,
Biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?
Uri, Mulej, it-tjieba tiegħek,
U s-salvazzjoni tiegħek tina.
Ħa nisma’ s-sliem li l-Mulej ixandar,
Għal ħbiebu u dawk li jafdaw fih.
Għax qrib tassew hi s-salvazzjoni tiegħu,
Biex igħammar f’artna is-sliem.
Reġġagħna għal li konna…
It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
Il-ħaqq u s-sliem jitbewsu.
U il-ġustizzja tixref mis-smewwiet,
Il-fedeltà tinbet mill-art.
U il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
U artna tagħti l-frott.
Reġġagħna għal li konna…
Quddiemek timxi il-ġustizzja,
U s-sliem fuq il-passi tiegħek.
Mulej reġġagħna għal dak illi konna,
Warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
U is-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Qari mill-Evanġelju skond San Mark (Mk 13, 33-37)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.
Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.
U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Missier Qaddis agħtina d-don tal-għerf, biex fil-kliem tas-salm nagħrfu ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex ma naħlux d-don ta’ żmien li tajtna, u li tikber fina x-xewqa li naraw d-dehra ta’ wiċċek, biex anke fid-dlam tagħna naraw id-dawl tiegħek. Nitolbu.
Noffrulek Missier dak li fil-ħajja tagħna bħalissa iħallina fuq ix-xwiek, dak li jdahhalna fl-ansejta’ u l-biża. Tħalliniex naqdfu għal rasna u agħtina d-don tal-fiduċja fik biex bħal Pietru aħna inħalluk taqbadna minn idejna. Nitolbu.
Biex bħal Marija aħna nagħrfu kif nagħtuk l-ispazju fil-ħajja tagħna biex tkellimna u taħdem fina. Agħtina qalb li tisma speċjalment l-Kelma tiegħek, b’kull mod li inti tixtieq ssemma leħnek. Nitolbu.
Nitolbuk Missier għal kull min qiegħed jgħix bi tbatija dan iż-żmien preżenti, minħabba l-mard jew il-prekarjeta’ li daħlet f’ħajjtu. Biex dan iż-żmien tal-Avvent ikun għal dawn il-persuni mument ta’ tiġdid u ta’ konsolazzjoni. Nitolbu.
Mulej Ġesu,
Infaħħruk Missier Qaddis tal-fedelta’ kbira li inti turi magħna, talli fl-imħabba tiegħek inti stgħanejtna b’kull ġid spiritwali, speċjalment bid-don tal-Ispirtu li jgħammar f’qalbna. Agħtina nitolbuk minn dan l-Ispirtu biex nagħrfu nużaw sew dan iż-żmien tal-Avvent bħala żmien ta’ stennija, tiġdid u tama fil-miġja ta’ Ibnek, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal ta’ dejjem ta’ dejjem.
Bi Kristu Sidna,
Ammen.