Lil Alla li ma jidhirx, il-Missier li jista’ kollox
U lil Sidna Ġesù, ibnu l-waħdieni.
Huwa ħallas għalina lill-Missier etern id-dejn ta’ Adam,
U bid-demm tiegħu illi xerred għalina
Ħassar il-kitba tal-kundanna li ħadna fil-bidu.
Dan huwa l-Għid, li fih inqatel il-ħaruf;
Dan huwa l-lejl li fih ħlist lil Missirijietna mill-jasar tal-Eġittu;
Dan huwa l-lejl, li fih tqaċċtet kull rabta tal-ħażen;
Dan huwa l-lejl, li fih tkeċċew id-dlamijiet tad-dnub.
Dan huwa l-lejl li fih Kristu qered il-Mewt
U qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen!
Xi ħniena, ħniena tal-għaġeb ridt turi magħna
Xi mħabba u għożża liema bħala.
Biex tifdi l-ilsir tajt ‘l ibnek għall-mewt.
Mingħajr id-dnub t’Adam, Kristu qatt ma seta’ jifdina.
Xi ħtija hienja, li stħaqqilha
Feddej kbir bħal dan, xi ħtija hienja!
O lejl tassew imqaddes, li sar jaf il-waqt tal-qawmien ta’ Kristu.
O lejl tassew imqaddes li neżża ‘l Eġizzjani biex mela’ bil-ġid lil Iżrael.
O lejl li jeqred il-ħażen, inaddaf kull ħtija
O lejl tabilħaqq mimli hena li fih jingħaqad il-bniedem m’Alla.
Dan huwa l-lejl li fih Kristu qered il-mewt
U qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen! x2
F’dan il-lejl ilqa’ Missier qaddis dan is-sagrifiċċju ta’ tifħir.
Li l-knisja toffrilek permezz tal-ministri tagħha
Din l-offerta solenni tal-blandun magħmul mix-xemgħa tan-naħal.
Nitolbuk ja Mulejja, li dan il-blandun ikkonsagrat f’ġieħ ismek jibqa’ jħeġġeġ;
Jitla’ quddiemek bħala fwieħa ħelwa, isir ħaga waħda mad-dawl tas-sema.
Issibu jaqbad il-kewkba ta’ filgħodu dik il-kewkba li qatt ma tgħib, Kristu Ibnek;
Li imqajjem mill-mewt, xerred għal fuqna, il-bnedmin kollha
Id-dawl u s-sliem tiegħek. x2
Ammen, ammen, ammen x2
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 28, 1-10)
Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq ta’ l-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. U inħasset theżhiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; ilbiesu abjad bħas-silġ. Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin.
Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. M’huwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu: Qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedthulkom”.
Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxiplu tiegħu. U ara, iltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom”. Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Tiċħdu lix-xitan u l-għemil u l-qerq kollu tiegħu, biex tgħixu fil-ħelsien ta’ wlied Alla? Iva niċħad.
Temmnu intom f’Alla, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art? Iva nemmen.
Temmnu f’Ġesù Kristu, Ibnu l-waħdieni u Sidna, li twieled minn Marija Verġni, bata u miet u difnuh, qam minn bejn l-imwiet u qiegħed fil-lemin tal-Missier? Iva nemmen.
Temmnu fl-Ispirtu s-Santu, fil-Knisja mqaddsa kattolika, fix-xirka tal-qaddisin, fil-maħfra tad-dnubiet, fil-qawma mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem? Iva nemmen.
Din hi l-fidi tagħna. Din hi l-fidi tal-Knisja li aħna niftaħru li nistqarru f’Ġesù Kristu Sidna. Ammen
Hu qam mill-mewt,
Hu qam mill-mewt
Hu qam mill-mewt, alleluia!
Alleluia, alleluia, alleluia,
Hu qam mill-mewt!
Il-mewt, fejn hija l-mewt?
Fejn hija l-mewt tiegħi?
Fejn hija r-rebħa tagħha?
Hu qam mill-mewt …
Nifirħu, aħwa nifirħu,
Għax jekk aħna llum ninħabbu,
Dan għax hu qam mill-mewt.
Hu qam mill-mewt …
Inroddu ħajr lill-missier,
Li jeħodna fis-saltna tiegħu,
Fejn ngħixu bl-imħabba!
Hu qam mill-mewt …
Jekk aħna mmutu miegħu,
Miegħu aħna ngħixu,
Inkantaw miegħu; alleluia.