Matul dil-ġimgħa hekk importanti għan-Nisrani, u fl-assenza ta’ ċelebrazzjonijiet fiżiċi ser nkunu qed nipprovdu din il-Liturgija Domestika bħala podcast, li tista’ tismagħha waqt li qiegħed tirrifletti waħdek jew m’oħrajn. Hawn taħt tistgħu wkoll issibu xi materjal anċillari li jista’ jghinek fir-riflessjoni.
Agħfas play biex issegwi. Biex tniżżel (download) dan il-podcast fuq il-computer, agħfas hawn.
Lil Alla li ma jidhirx, il-Missier li jista’ kollox
U lil Sidna Ġesù, ibnu l-waħdieni.
Huwa ħallas għalina lill-Missier etern id-dejn ta’ Adam,
U bid-demm tiegħu illi xerred għalina
Ħassar il-kitba tal-kundanna li ħadna fil-bidu.
Dan huwa l-Għid, li fih inqatel il-ħaruf;
Dan huwa l-lejl li fih ħlist lil Missirijietna mill-jasar tal-Eġittu;
Dan huwa l-lejl, li fih tqaċċtet kull rabta tal-ħażen;
Dan huwa l-lejl, li fih tkeċċew id-dlamijiet tad-dnub.
Dan huwa l-lejl li fih Kristu qered il-Mewt
U qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen!
Xi ħniena, ħniena tal-għaġeb ridt turi magħna
Xi mħabba u għożża liema bħala.
Biex tifdi l-ilsir tajt ‘l ibnek għall-mewt.
Mingħajr id-dnub t’Adam, Kristu qatt ma seta’ jifdina.
Xi ħtija hienja, li stħaqqilha
Feddej kbir bħal dan, xi ħtija hienja!
O lejl tassew imqaddes, li sar jaf il-waqt tal-qawmien ta’ Kristu.
O lejl tassew imqaddes li neżża ‘l Eġizzjani biex mela’ bil-ġid lil Iżrael.
O lejl li jeqred il-ħażen, inaddaf kull ħtija
O lejl tabilħaqq mimli hena li fih jingħaqad il-bniedem m’Alla.
Dan huwa l-lejl li fih Kristu qered il-mewt
U qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen! x2
F’dan il-lejl ilqa’ Missier qaddis dan is-sagrifiċċju ta’ tifħir.
Li l-knisja toffrilek permezz tal-ministri tagħha
Din l-offerta solenni tal-blandun magħmul mix-xemgħa tan-naħal.
Nitolbuk ja Mulejja, li dan il-blandun ikkonsagrat f’ġieħ ismek jibqa’ jħeġġeġ;
Jitla’ quddiemek bħala fwieħa ħelwa, isir ħaga waħda mad-dawl tas-sema.
Issibu jaqbad il-kewkba ta’ filgħodu dik il-kewkba li qatt ma tgħib, Kristu Ibnek;
Li imqajjem mill-mewt, xerred għal fuqna, il-bnedmin kollha
Id-dawl u s-sliem tiegħek. x2
Ammen, ammen, ammen x2
Alleluja! Alleluja!
Il-Mulej wera lilu nnifsu biex joħloq id-dinja;
Il-Kelma tal-Mulej kienet dawl u ddiet fid-dlam.
Ara l-ewwel lejl!
Il-Mulej wera lilu nnifsu lil Abraham;
Iżakk it-tifel il-maħbub kien offrut f’sagrifiċċju.
Ara t-tieni lejl!
Il-Mulej wera lilu nnifsu lill-Eġizzjani;
l-leminija tiegħu ħarset l-ewwel ulied ta’ Isreal
Ara t-tielet lejl!
Id-dinja għad tilħaq it-tmiem tagħha;
Ir-Re Messija għad jiġi fl-ogħla tas-sema
Ara r-raba lejl!
Il-Mulej wera lilu nnifsu fil-milja taż-żminijiet;
Il-Messija Ġesù qam mill-imwiet
Ara l-jum waħdieni!
Alla sar is-salvazzjoni tiegħi,
Jiena nittama u ma nibżax.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
Għalija Alla hu l-ħelsien.
Inroddlok ħajr Mulej, għaliex għadabt għalija;
Imma erġajt lura u farraġtni.
Kollna ferħana nimlew l-ilma mill-għejun,
Mill-għejun tas-salvazzjoni.
Alla sar is-salvazzjoni tiegħi …
Inroddu ħajr lill-Mulej,
Insejħu ismu u nfaħħruh,
Ngħarrfu lill-ġnus bl-għemejjel kollha tal-Mulej,
Inxandru li Ismu hu fl-għoli.
Alla sar is-salvazzjoni tiegħi …
Għannu ’l-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
Ħa jkun magħruf dan ma’ l-art kollha.
Jekk tgħammar f’Sijon aqbeż u għanni bil-ferħ,
Għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis, ta’ Iżrael.
Alla sar is-salvazzjoni tiegħi …
Qari mill-Evanġelju skond San Mark (Mk 16, 1-7)
Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.
U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu